Tard l-Erbgħa filgħaxija l-FIA kkonfermat il-kalendarju għall-istaġun li ġej li se jkun magħmul minn total ta’ 21 Grand Prix. Madankollu għadu mhux ċert il-fatt jekk hux se jsir il-Grand Prix tal-Istati Uniti. Dan minħabba l-fatt li f’dawn l-aħħar ġimgħat il-fondi allokati għal dan il-Grand Prix ġew imnaqqsa b’mod drastiku u l-organizzaturi tat-tellieqa għadhom f’diskussjonijiet mal-FIA. Jekk ma jintlaħaqx ftehim l-istaġun ikun kompost minn total ta’ 20 Grand Prix, jiġifieri tellieqa aktar minn dan l-istaġun. Ironikament, ta’ min jiftakar li din is-sena kien proprju waqt il-GP tal-Istati Uniti li ġie deċiż ir-rebħ tat-titlu hekk kif dakinhar Lewis Hamilton kien rebaħ it-tellieqa f’Austin biex issiġilla t-tieni titlu dinji konsekuttiv tiegħu.
L-istaġun tas-sena li ġejja se jibda ftit aktar tard minn dan l-istaġun. L-ewwel tellieqa se ssir fl-20 ta’ Marzu fl-Awstralja. It-tlielaq kollha li saru dan l-istaġun se jerġgħu jsiru filwaqt li l-Grand Prix tal-Ġermanja se jerġa’ jibda jsir f’Hockenheimring. Barra minn hekk, kif kien mistenni, Grand Prix li se jkun introdott mis-sena li ġejja se jkun dak tal-Ażerbajġan fil-belt ta’ Baku.
Bidla żgħira li se ssir sena oħra hi li l-Grand Prix tal-Messiku se jsir ġimgħa qabel ma sar din is-sena, jiġifieri fit-30 ta’ Ottubru. L-aħħar Grand Prix qabel il-waqfa tas-sajf se jkun dak tal-Belġju filwaqt li bħas-soltu, l-istaġun jintemm f’Novembru bit-tellieqa f’Abu Dhabi.
Il-kalendarju għall-istaġun li ġej:
20 ta’ Marzu – Awstralja
3 ta’ April – Bahrain
17 ta’ April – Ċina
1 ta’ Mejju – Russja
15 ta’ Mejju – Spanja
29 ta’ Mejju – Monaco
12 ta’ Ġunju – Kanada
19 ta’ Ġunju – Ażerbajġan
3 ta’ Lulju – Awstrija
10 ta’ Lulju – Renju Unit
24 ta’ Lulju – Ungerija
31 ta’ Lulju – Ġermanja
Aktar fin-Nazzjon t’għada
//= $special ?>