Paul Borg, dak li kien barman fil-każin Nazzjonalista ta’ Marsaxlokk, meta nqatel Anthony Borg, magħruf bħala l-Bona, fi Frar tal-2010, fil-Qorti ammetta li ħeba l-arma tan-nar fil-ħasda tal-mument.
Borg kien ix-xhud ewlieni fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, fejn Alan Galea qed jiġi akkużat li qatel lil Anthony Borg b’diversi daqqiet ta’ sikkina.
Borg xehed kif il-Bona, ħuh u seħbitu kienu ilhom jixorbu fil-bar tiegħu minn wara nofsinhar u kif il-Bona kien talbu n-numru tat-telefon ta’ Galea imma li hu ma kienx tahulu. Qal li l-Bona kien ħareġ wieħed mit-telefons ċellulari tiegħu, b’xi mod akkwista n-numru ta’ Galea u ċempillu mill-każin fejn insista li ried ikellmu. L-aħwa Borg u s-sieħba ta’ wieħed minnhom telqu mill-każin qrib il-5pm.
Il-barman xehed ukoll li hu u jagħlaq il-bar, ra raġel mindud fil-pjazza u Frans, ħu l-vittma, li kien qed jgħajjat li kienu qatlu lil ħuh. Kien hawn li qal li Frans u seħbitu tawh l-arma tan-nar tal-Bona, li hu identifika wkoll fil-Qorti, biex jaħbiha. Qal li fil-fixla tal-mument ħbiha taħt dgħajsa, qrib latrina, imbagħad fl-inħawi tal-mina ta’ Ħal Kirkop ħdejn l-ajruport. Mistoqsi mill-Qorti, qal ukoll li bil-kemm messha.
Borg qal li għamel li għamel għax kien maħsud u spiċċa nvolut f’każ li ma kellux x’jaqsam fih. Spjega wkoll li minħabba dak li seħħ, spiċċa tilef ix-xogħol tiegħu. Qal ukoll li l-għada tal-inċident, il-Pulizija talbitu l-arma u hu għaddihielhom mill-ewwel.
Borg xehed kif anke Galea kien klijent tal-bar tiegħu u li xi tliet ġimgħat qabel l-inċident kien mar hemm jixrob, flimkien ma’ seħbitu u t-tifla tagħhom. Qal li kien rah jargumenta mal-Bona u mbagħad telaq ħabta u sabta. Qal ukoll li xi żmien wara, Frans Borg kien qallu li ħuh kellu xi jgħid ma’ Galea.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-avukati Lara Lanfranco u Kristina Debattista, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qrat parti mid-dikjarazzjoni li Borg kien ħalla lill-Pulizija fl-2010, b’verżjoni differenti ta’ kif ġara l-każ.
Staqsiet liema hi l-verżjoni t-tajba, hux dik li xehed illum inkella d-dikjarazzjoni tal-2010 fejn kien qal li l-akkużat kien ikkonsma l-alkoħol u kien rah jaqbad lill-vittma miċ-choker tiegħu qabel il-Bona telaq mill-bar. Borg madankollu ma kkonfermax liema kienet il-verżjoni t-tajba u qal li l-akkużat kien magħruf għall-mod storbjuż u salvaġġ ta’ kif kien iġib ruħu, inkluż ma’ persuni li ma kienx jaf mill-qrib.
L-avukati de Marco, Joe Giglio u Steven Tonna Lowell qed jidhru għad-Difiża waqt li l-avukati Franco Debono u Matthew Brincat qed jidhru parte civile għall-familja tal-vittma.
//= $special ?>
