Bir-regolamenti ġodda li ħarġet l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) naqset l-art li tista’ tkun żviluppata, fejn qabel kien permessibbli. Dan qalitu l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA), fi stqarrija dwar ir-regolamenti l-ġodda (DC2015) li, skont l-MDA, wasslu biex għall-ewwel darba mill-1989 ‘l hawn kien hemm daqstant tnaqqis.
L-MDA qalet li minħabba dawn ir-regolamenti ġodda, ma jistax isir bini aktar fond minn 30 metru mit-triq u, meta jkun hemm aktar spazju fil-fond ta’ sit, ma jistax isir żvilupp fih. Din il-projbizzjoni tkompli wkoll tnaqqas il-possibbiltà li numru sostanzjali ta’ siti jkunu żviluppati b’dan il-mod.
L-Assoċjazzjoni qalet li bit-tnaqqis tal-footprint tal-bini f’żoni tal-iżvilupp, se jbatu l-aktar is-sidien tal-art, li issa sabu li l-art tagħhom għandha potenzjal għal anqas żvilupp minn qabel u għalhekk jista’ jitnaqqsilhom ukoll il-valur tal-propjetà tagħhom.
L-MDA qalet li filwaqt li tifhem u taqbel li għandu jkun hemm spazji u pulmuni qalb il-bini, bir-regolamenti mnedija mill-MEPA dan se jkun qed isir mingħajr l-ebda kumpens lis-sidien tal-propjetajiet.
//= $special ?>