Futbol

Birkirkara jittamaw li jpattu għat-telfa tal-ewwel rawnd

Wara li l-kampjonat BOV Premier tkompla fost il-ġimgħa, erbgħa mit-timijiet ta’ fuq ser jaffrontaw lil xulxin b’Balzan jittamaw li jibqgħu viċin il-quċċata filwaqt li Valletta u Birkirkara jiltaqgħu kontra xulxin fil-partita tal-ġimgħa. Floriana u Mosta jibdew favoriti fil-konfronti tagħhom u Sliema fi bżonn ta’ rebħa biex jinqatgħu fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika.


Valletta v Birkirkara

Fil-konfront tal-ġimgħa, Valletta jaffrontaw lil Birkirkara. Il-Beltin reġgħu bdew ġejjin fil-forma tagħhom wara li spiċċaw l-ewwel rawnd b’dro kontra Mosta u telfa kontra Pembroke, Valletta bdew it-tieni rawnd b’rebħa ta’ 4-0 kontra St.Andrews u 4-2 kontra Sliema li ħalliethom fil-quċċata tal-klassifika.

Minn naħa l-oħra wara d-dro kontra Naxxar, Birkirkara rritornaw għar-rebħ kontra Tarxien bi prestazzjoni ftit pożittiva wara l-ewwel taqsima diżappuntanti. Ir-reazzjoni fit-tieni taqsima hi xi ħaġa pożittiva li l-kowċ Giovanni Tedesco irid jibni fuqha għal konfront iebes. Il-kowċ Taljan irid jara l-kundizzjoni tal-kaptin Paul Fenech li tilef l-aħħar żewġ logħbiet.
Għal Valletta wara li rritorna l-kaptin Jonathan Caruana wara nuqqas ta’ diversi logħbiet, il-kowċ Paul Zammit għad għandu dubju fuq il-gowlkiper Henry Bonello, Llywelyn Cremona u l-eks Jhonnattann Benites iżda ser ikollhom lil Ian Azzopardi sospiż. F’każ ta’ ritorn għal Brażiljan, wieħed jistenna l-formazzjoni inizjali tal-Beltin wara l-prestazzjonijiet pożittivi ta’ Falcone, Priso u Nafti.
Wieħed jittama li dan il-konfront importanti għaż-żewġ timijiet u għal kampjonat Malti jattira pubbliku sportiv numeruż.

L-ewwel rawnd: Birkirkara v Valletta 1-2 – Antonio Costa Morais 39’ (B), Federico Falcone 43’, Njongo Priso 86’ (V)