Lokali

Deċiżjoni tal-Awtorita’ tax-Xandir: Il-PBS “naqas serjament mill-obbligi tiegħu” meta ma rrappurtax l-inċident ta’ Joe Debono Grech fil-Parlament

Ix-Xandir tal-Istat naqas serjament mill-obbligi tiegħu meta ma rreferiex mill-ewwel għall-inċidenti li nqalgħu fil-Parlament bejn id-Deputati Joe Debono Grech u Marlene Farrugia. Din kienet id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir għall-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar il-bulettin tal-Aħbarijiet tal-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru. Dakinhar, id-Deputat Laburista Joe Debono Grech kien hedded lid-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia billi qalilha “niġi għalik u nifqgħek”.

Madankollu, għal tlett ijiem sħaħ, ix-Xandir tal-Istat baqa’ fl-ebda ħin ma għamel referenza għal dak li ġara, bil-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja jgħid quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir li l-PBS ma rrapporta xejn dwar dan għax il-ġurnalist li kien qed isegwi s-seduta Parlamentari ma sema’ xejn. L-Awtorità waslet għal din id-deċiżjoni wara li ntalbet mill-Partit Nazzjonalista biex tiddeċiedi dwar in-nuqqas min-naħa tal-PBS milli jxandar fl-Aħbarijiet dak li seħħ fil-Parlament fl-20 ta’ Novembru li għadda.

F’seduta li nżammet fl-1 ta’ Diċembru, l-Awtorità semgħet lill-partijiet involuti, fosthom ix-xhieda tal-ġurnalist tal-PBS li kien inkarigat mir-rappurtaġġ tal-Parlament dakinhar li seħħ il-każ. Wara li għamlet dan, u dwar li l-ġurnalist qal li ma kienx fil-Kamra tad-Deputati iżda kien qed isegwi x-xandira minn fuq l-internet, u għalhekk ma semax il-battibekk, l-Awtorità tax-Xandir qiset li l-ġurnalist kien konxju li l-kliem użat mill-Ispeaker mad-dħul tiegħu fil-Kamra juri li l-inċident kien aktar serju mis-soltu.

L-Awtorità tax-Xandir kompliet tgħid li filwaqt li r-rappreżentanti tal-PBS fl-ebda ħin ma sostnew li l-inċident ma kellux valur ta’ aħbar, ir-raġuni li nġiebet li kien qed jistenna r-Ruling tal-Ispeaker ma tissodisfax id-dover tiegħu li jirrapporta l-fatti li ġraw. Qalet li d-deċiżjoni li ma ssir l-ebda referenza għal dak li seħħ fil-Parlament kien nuqqas serju, aktar u aktar meta fil-bulettin tal-Aħbarijiet ingħad li rapport dettaljat kellu jingħadda fl-aħbarijiet li jmiss u fuq is-sit elettroniku tal-istazzjon.

Madankollu, l-Awtorità nnutat li ma kien hemm l-ebda rapport ieħor fl-aġġornamenti tal-Aħbarijiet li xxandru aktar tard fil-jum jew l-għada fuq TVM. L-Awtorità kompliet tgħid ukoll li minkejja r-referenza għar-rapporti dwar l-intervista tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, ir-Ruling tal-Ispeaker u l-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni, dan xorta ma jissodisfax l-obbligu tal-istazzjon li jwassal lit-telespettaturi l-aħbar bl-immedjatezza dovuta.

Kien għalhekk li l-Awtorità tax-Xandir laqgħet l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista, filwaqt li ddikjarat li l-istazzjon naqas serjament mill-obbligu tiegħu meta ddeċieda li ma jirreferix għall-inċident fil-Parlament fl-ewwel opportunità li kellu wara li sar jaf b’dak li ġara. Fl-istess waqt, l-Awtorità rrimarkat ukoll it-tħassib tagħha li l-istazzjon pubbliku ma jkollux ġurnalist preżenti fil-Parlament, minkejja li fil-bulettini tal-Aħbarijiet ġieli ngħatat l-impressjoni li l-kollegament ikun qed isir mill-Parlament.