Sitt għaqdiet u istituzzjonijiet li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti wrew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar it-twaqqif ta’ Kumitat Konsultattiv, kif imħabbar mill-Ministru tal-Edukazzjoni, biex ibiddel il-Liġi tal-Ilsien Malti.
L-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College saħqu li l-konsultazzjoni pubblika, li kienet miftuħa għal kulħadd u li fiha ħadu sehem madwar 200 persuna, diġà saret fis-7 ta’ Novembru u wriet x’inhuma x-xewqat u l-fehmiet ta’ firxa kbira ta’ nies.
L-għaqdiet insistew li ma jaqblux ma’ dawk li sejħu bħala “bidliet li jdgħajfu l-Liġi tal-Ilsien Nazzjonali”, li għaddiet mill-Parlament bi qbil unanimu fl-2004, kif ukoll li l-Gvern jieħu miżuri li bihom titnaqqar l-awtonomija u tixxekkel il-ħidma tal-Kunsill tal-Malti mill-Gvern tal-ġurnata. Fl-istess waqt, esprimew it-tama li Gvern jilqa’ l-proposti mressqa min-naħa tal-Kunsill.
L-għaqdiet spjegaw li l-Ministru Bartolo kemm-il darba faħħar ħidmet il-Kunsill. Madankollu, sostnew li bit-twaqqif ta’ dan il-Kumitat Konsultattiv tingħata l-impressjoni li l-Gvern m’għandux fiduċja fil-Kunsill. Fakkru wkoll li, kif juri fid-dettall il-ktieb li jiddokumenta l-ħidma tal-Kunsill fl-ewwel għaxar snin tiegħu, il-konsultazzjoni hi parti integrali mill-mod kif jaħdem, tant li tirrifletti l-ispirtu u l-kelma li hemm fil-Liġi.
L-għaqdiet ikkonkludew li filwaqt li jappoġġjaw kull sforz ġenwin għat-tisħiħ tal-Malti, ma jaqblux lanqas li jinbidlu deċiżjonijiet importanti dwar kif jinkiteb u jitħaddem il-Malti. Spjegaw li bidliet bla bżonn jitfgħu l-ilsien bosta snin lura għaż-żmien ta’ meta min jikteb bil-Malti, kien dejjem inċert bejn il-fehmiet kuntrastanti ta’ ftit individwi.
//= $special ?>