Internazzjonali

Id-Danimarka x’aktarx teħtieġ ftehim speċjali biex tkompli fil-Europol

Id-Danimarka, ‘il quddiem, x’aktarx trid tinnegozja ftehim speċjali biex tibqa’ tifforma parti mill-Europol, li hi l-aġenzija Ewropea għall-infurzar tal-liġi li tikkonfronta t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Dan wara li d-Daniżi, permezz ta’ referendum li sar nhar il-Ħamis, irrifjutaw li jadottaw regoli tal-Unjoni Ewropea għaz-zamma tal-ordni fir-rigward ta’ movimenti u attività bejn il-fruntieri. Il-Gvern Daniż taċ-ċentru-lemin kellu l-ħsieb li jċedi wħud mill-kundizzjonijiet – magħrufa bħala opt-outs – li kien kiseb, fl-1993, waqt in-negozjati dwar il-leġislazzjoni tal-UE għall-affarijiet interni.

Sadanittant aktar minn 53 fil-mija tad-Daniżi qalu ‘le’ għall-proposta li kellha twassal għal rabtiet eqreb bejn pajjiżhom u l-UE. Ivvutaw f’dan ir-referendum madwar 72 fil-mija tal-poplu u l-Prim Ministru Daniż Lars Lokke Rasmussen qal li ‘jirrispetta bis-sħiħ’ id-deċiżjoni tal-votanti.

Aktar qabel, il-Gvern ta’ Rasmussen, bl-appoġġ tal-Oppożizzjoni, ippromwova kampanja biex id-Danimarka tadotta r-regoli għall-infurzar tal-liġi u sistemi anti-kriminali li jibbażaw fuq il-mudell tal-UE. Dan għaliex il-Gvern Daniż kien jemmen li l-inizjattiva kellha tgħin lill-awtoritajiet tal-pajjiż wara l-aħħar attakki terroristiċi fi Franza.