Il-membri Parlamentari tal-Ġermanja vvutaw favur appoġġ militari kontra l-ISIS fis-Sirja.
Il-vot ittieħed ftit tal-ħin ilu, bil-membri Parlamentari tal-Bundestag japprovaw il-pjan li se jara l-Gvern Ġermaniż jibgħat il-militar Ġermaniż biex jappoġġjaw il-ħidma militari li qed issir minn numru ta’ pajjiżi f’qagħdiet tal-ISIS fis-Sirja.
Id-deċiżjoni tfisser li l-militar Ġermaniż mhux se jkun involut direttament f’kumbattimenti kontra l-militanti tal-ISIS, iżda se jkunu qed jipprovdu appoġġ loġistiku u kull tip ta’ għajnuna oħra li l-koalizzjoni internazzjonali tista’ teħtieġ waqt il-ġlieda tagħha kontra l-ISIS.
Il-Ġermanja se tkun qed tipprovdi, fost oħrajn, ajruplani tat-tip Tornado għal missjonijiet ta’ sorveljanza. Il-Gvern Ġermaniż iddeċieda wkoll li jibgħat frejgata tal-qawwiet tal-baħar flimkien ma’ kontinġent ta’ 1,200 suldat lejn ir-reġjun.
Il-vot ittieħed fid-dawl tal-attakki f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru li għadda u fid-dawl tal-attakki diretti li beda jagħmel il-militar Ingliż ilbieraħ wara deċiżjoni tal-membri fil-House of Commons.
//= $special ?>

