L-Awtoritajiet Griegi talbu l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex tamministra aħjar il-fruntieri tagħha. Dan fi żmien meta eluf ta’ immigranti għadhom iżolati fiz-zona tal-fruntiera Griega mal-Maċedonja, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Greċja.
L-awtoritajiet fil-Maċedonja qed idaħħlu biss refuġjati Sirjani, Iraqin u Afgani li ħarbu miz-zoni tal-konflitt rispettivi. Dan wassal biex gruppi oħra ta’ immigranti organizzaw dimostrazzjonijiet biex jesprimu r-rabja għal din ‘l-inġustizzja’.
Il-fruntiera nfetħet mill-ġdid ilbieraħ wara li damet jumejn magħluqa minħabba l-protesti tal-immigranti li mhumiex ġejjin mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan.
Fil-preżent hemm numru sostanzjali ta’ pulizija għal kontra l-irvellijiet maż-żewġ naħat tal-fruntiera. Intant, ’il fuq minn 1,000 immigrant –fil-parti l-kbira mill-Iran, il-Pakistan, is-Somalja u l-Marokk – mhumiex jitħallew jaqsmu miz-zona. Qed jingħad ukoll li xi 5,000 persuna ‘weħlu mal-fruntiera’ u li dawn jinkludu ħafna Sirjani, Iraqin u Afgani.
//= $special ?>