Lokali

Aġġornata: “Il-Malta Public Transport biss hi responsabbli għal dan id-diżastru” – xufiera; azzjonijiet kontra l-MPT

Fl-aħħar ħin: Bħalissa fit-terminus ewlieni ta’ Malta x-xufiera membri tal-Union Ħaddiema Magħqudin irrufjutaw li jkomplu b’xogħlhom wara li l-Malta Public Transport qalet li se tieħu passi kontra x-xufiera li se jtellgħu n-nies bla ħlas fuq tal-linja.

“Lesti ntellgħu il-każ quddiem Qorti Kostituzzjonali jew Ewropea” – Josef Vella, UĦM

“Il-Malta Public Transport biss hi responsabbli għal dan id-diżastru” saħqu xufiera tal-karozzi tal-linja ma’ Netnews.com.mt ftit wara li daħlet fis-seħħ azzjoni industrijali ordnata mill-UĦM u li se tara x-xufiera kollha jirrifjutaw li jżommu ħlas mill-passiġġieri għall-biljetti.

Il-UĦM qed titlob li l-kumpanija Autobuses de Leon, li tmexxi l-kumpanija Malta Public Transport, tirrikonoxxi minnufih lill-Union bħala r-rappreżentant uffiċjali tax-xufiera. Wara li l-GWU irtirat mill-argument dwar ir-rappreżentanza, u wara deċiżjoni mill-Qorti f’dan ir-rigward, il-UĦM issa qed targumenta li m’hemm l-ebda raġuni għalfejn il-Malta Public Transport għadha qed tkaxkar saqajha biex tirrikonoxxi lill-UĦM.

L-azzjoni industrijali daħlet fis-seħħ ilbieraħ waranofsinhar u skont is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella, se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-kumpanija tagħraf il-Union. Vella spjega wkoll li jekk ma jkunx hemm ċaqlieq, il-Union tkun lesta wkoll li mhux biss teskala l-azzjonijiet industrijali, iżda saħansitra ttella’ l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-pajjiż jew anke quddiem Qorti Ewropea.

“Id-dritt tal-assoċjazzjoni huwa mniżżel fil-Kostituzzjoni ta’ Malta” argumenta Josef Vella, li żied li l-kumpanija Malta Public Transport qed iċaħħad il-ħaddiema tagħha minn dan id-dritt.

Wara li daħlet fis-seħħ l-azzjoni industrijali, f’konferenza tal-aħbarijiet mill-UĦM, numru ta’ unions barranin ingħaqdu f’solidarjetà mal-UĦM.

Rappreżentanti tal-union Spanjola USO, tal-Ċentru Ewropew għall-Ħaddiema EZA u tal-moviment Solidarnosc tal-Polonja kollha wasslu messaġġi ta’ solidarjetà għall-fatt li l-UĦM mhux qed tingħata d-dritt li teżerċita r-rappreżentanza tal-ħaddiema tal-kumpanija tat-trasport pubbliku.

Il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-union tax-xufiera ilha għaddejja sentejn sħaħ. Sakemm il-UĦM tirċievi l-ittra ta’ rikonoxximent mingħand l-Autobuses de Leon, il-union ma tkunx tista’ tibda diskussjonijiet dwar il-kundizzjonijiet dejjem jiddeterjoraw tax-xufiera.

Dan minkejja rapport uffiċjali mid-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali li jikkonkludi ċar u tond li l-UĦM għandha 56.3% tax-xufiera li qed jappoġġjawha.