Il-mara li mietet waqt l-attakk ta’ jiem ilu fuq ċentru għas-servizzi soċjali f’San Bernardino, f’Kalifornja, kienet bagħtet messaġġ fuq Facebook fejn ħalfet lealtà lill-Kap tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi.
Din il-mara, Tashfeen Malik, spiċċat maqtula flimkien ma’ żewġa, Syed Rizwan Farook, waqt sparatura mal-pulizija. Il-konfront seħħ ftit wara li l-koppja kienet massakrat 14 il-persuna u ħalliet ‘il fuq minn 20 midruba.
Mifhum li Malik bagħtet il-post bil-messaġġ ta’ lealtà lill-ISIS taħt isem differenti. L-attakk f’San Bernardino għadu taħt investigazzjoni u għalissa mhemmx xhieda li l-ISIS ‘kienet mexxiet il-koppja f’azzjoni terroristika’.
L-awtoritajiet fl-Istati Uniti sa mill-bidunett ma eskludewx il-possibbiltà ta’ terroriżmu b’konnessjoni mal-qtil tal-massa fiċ-ċentru, li seħħ fil-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis.
Farook, ir-raġel ta’ Malik, kien impjegat mas-servizzi tas-saħħa pubbliċi u l-uffiċjali jaħsbu li hu u martu ‘kienu saru radikali minn jeddhom filwaqt li ħadu l-ispirazzjoni mill-ISIS. Dan, bl-ebda mod, ma jfisser li l-koppja qattiela rċevew messaġġ speċifiku mingħand elementi tal-ISIS biex iwettqu l-isparatura fiċ-ċentru ta’ San Bernardino.
Il-messaġġ ta’ Malik li jfaħħar u jappoġġja lil al-Baghdadi issa tneħħa minn Facebook.
L-investigazzjoni fid-dar tal-koppja żvelat tagħmir għall-manifattura tal-bombi flimkien ma’ armi u ħafna munizzjon. L-awtoritajiet, intant, għadhom jippruvaw jiskopru l-veru skop wara l-massakru, bl-investigazzjoni, bħalissa, qed titmexxa mill-aġenti tal-FBI.
//= $special ?>