Lokali

Il-PN b’20 proposta biex tiżdied is-sigurtà f’Paceville

Ġimgħatejn ilu, il-pajjiż inħasad bl-aħbar li 74 żagħżugħ u żagħżugħa ndarbu f’inċident tal-massa f’Paceville meta ċeda poġġaman ta’ stabbiliment li kien mimli bin-nies. Dan l-inċident xeħet dawl ġdid fuq il-bżonn ta’ aktar sigurtà f’Paceville, anke wara sensiela ta’ inċidenti vjolenti oħra li seħħew qabel.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta 20 proposta biex tiżdied is-sigurtà f’Paceville u biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiddevertu mingħajr inkwiet żejjed. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami ppreżenta dawn il-proposti:

1. Għassa tal-Pulizija f’Paceville;
2. Complement adegwat ta’ Pulizija;
3. Aktar cameras tas-sigurtà fit-toroq ta’ Paceville;
4. Refurbishment tal-Għassa ta’ San Ġiljan;
5. Allowance lill-Pulizija f’Paceville;
6. Rotazzjoni kull ħames snin fil-Pulizija ta’ Paceville;
7. Taħriġ lill-Pulizija dwar is-sigurtà f’postijiet ta’ divertiment;
8. Ċarezza akbar fil-Liġijiet dwar żoni bħal Pacville;
9. Twaqqif ta’ Kumitat dwar is-Sigurtà u l-Bonordni;
10. Reġistru tal-Uffiċjali tas-Sigurtà liċenzjati;
11. Uffiċjal tas-Sigurtà għal kull stabbiliment li jesa’ aktar minn 250 persuna;
12. Drill tas-sigurtà kull sena fi stabbilimenti li jesgħu aktar minn 100 persuna;
13. Councelling professjonali mill-NGOs;
14. Liġijiet aktar ħorox dwar armi f’postijiet ta’ divertiment;
15. Pieni aktar ħorox għal min ibigħ xorb alkoħoliku u jħalli tfal taħt l-età f’postijiet bħal Paceville;
16. Introduzzjoni ta’ ‘tourist wardens’, li jassistu f’żoni bħal Paceville;
17. Aktar tagħrif u edukazzjoni;
18. Ambulanza u paramediċi standby;
19. RIU f’Paceville; u
20. Reviżjoni tas-sistema tat-traffiku.

Wara d-diversi appelli li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieħu ħsieb id-diversi nuqqasijiet li hemm fis-sigurtà f’Paceville, fil-konferenza tal-aħbarijiet, Beppe Fenech Adami qal li jekk dawn il-proposti ma jitwettqux mill-Gvern Laburista, se jkunu qed jitwettqu minn Gvern Nazzjonalista ġdid.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ David Agius, mis-Sindku ta’ San Ġiljan Karl Gouder u mill-Viċi President tal-MŻPN Matthew Spiteri.