Lokali

Kumpanija Taljana f’riskju li tfalli għax il-Gvern Malti ma ħallashiex

Il-kumpanija Taljana, Cff Filiberti, qed tirriskja li tfalli minħabba li l-Gvern Malti għandu jagħtiha €3.4 miljun għal xogħol marbut mal-bini tal-Parlament il-ġdid.

Skont il-ġurnal Taljan La Repubblica, il-kumpanija, li tħaddem 38 ħaddiem fil-qasam tal-ġebla, irħam u granit, spiċċat titlob l-għajnuna lill-Membri Parlamentari ta’ Parma, fejn hi bbażata, u lill-awtoritajiet tal-provinċja. Jekk ma tingħatax il-ħlas dovut lilha mill-Gvern Malti, ma tistax tkompli tixtri l-materjal u tħallas lill-ħaddiema u qed tirriskja li tfalli.

Il-kumpanija saħqet li minkejja li qatt ma kien hemm kontestazzjoni dwar xogħolha u minkejja li l-binja l-ġdida tal-Parlament Malti qed tiġi rreklamata kullimkien, il-Gvern Malti ma ħallashiex fiż-żmien li kellu jħallasha.

Ix-xogħol kien ingħata lilha wara tender internazzjonali għall-kisi tal-binja ta’ Renzo Piano minn barra u minn ġewwa.

L-awtoritajiet tal-provinċja, madwar xahar u nofs ilu, ressqu talba formali dwar dan il-każ u issa qed jitolbu l-intervent tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tal-Gvern Taljan biex id-drittijiet tal-kumpanija u tal-ħaddiema tagħha jiġu rispettati.