Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombusdman ikkonkluda investigazzjoni ffukata fuq l-applikazzjoni ta’ policies u proċeduri matul il-proċess ta’ applikazzjoni mill-MEPA. Dan ir-rapport ġie mibgħut lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ombudsman Joseph Said Pullicino, li ma weġibx mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-każ u lanqas ta dettalji. Il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman kienet magħmula pubblika permezz ta’ stqarrija.
Jirriżulta li dan hu każ li jitratta l-permessi maħruġa għal residenza tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg fir-Rabat. Kien fil-fatt is-Segretarju Parlamentari innifsu li kkummenta mal-media lokali u qal li kien laqa’ din l-investigazzjoni meta fil-fatt bdiet, filwaqt li hu għadu qed jistenna l-konklużjonijiet tagħha.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, l-Ombudsman tratta wkoll l-ilment li kien sar dwar l-għoti tat-trattament għall-Epatite Ċ, li issa se jibda jingħata b’xejn b’riżultat ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman. L-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li f’Ġunju li għadda rċieva lment li jallega proċessi żbaljati waqt li kienet qed tiġi determinata applikazzjoni ta’ żvilupp f’sit fir-Rabat. L-Ombudsman Parlamentari irrefera l-każ lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit David Pace.
Waqt li kien qed jiġi kkunsidrat l-ilment, irriżulta li l-persuna li ressqet l-ilment ma kellhiex interess personali kif mitlub mil-Liġi tal-Ombudsman biex l-ilment li ressaq jiġi investigat. L-Ombudsman qal li xi punti mqajjma f’dan l-ilment kienu kkunsidrati minnu u mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar bħala ta’ interess pubbliku ġenerali, kif ukoll li kienu diġà fid-dominju pubbliku. Il-Kummissarju kien tal-opinjoni li l-ilment qajjem punti ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni ta’ regolamenti tal-ippjanar, li kienu jimmeritaw investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu.
Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ġie infurmat li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kienet qed tinvestiga l-istess ilment. Kien maqbul ukoll li hekk kif l-investigazzjoni tiġi konkluża, ir-rapport tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar jintbagħat lill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni bħala informazzjoni u gwida. L-Ombudsman jikkonsidra dan l-iżvilupp bħala eżerċizzju ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ awtoritajiet istituzzjonali.
Dwar il-każ mediku, l-Ombudsman qal li f’Awwissu li għadda, talab lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex jirreferi rapport li kien jitratta lmenti dwar mediċini għat-trattament tal-Epatite Ċ lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa. Dan seħħ wara korrispondenza fit-tul li fihom id-Dipartiment tas-Saħħa, minħabba konsiderazzjonijiet finanzjarji, wera nuqqas ta’ qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, li jisħaq li l-Gvern għandu jipprovdi t-trattament lill-pazjenti li qed ibatu mill-kundizzjoni tal-Epatite Ċ. L-Ombudsman u l-Kummissarju għas-Saħħa qiesu li dan in-nuqqas jikser l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman kompla isegwi dan il-każ mad-Dipartiment tas-Saħħa li wassal biex it-Tnejn li għadda, l-Ombudsman u l-Kummissarju għas-Saħħa Charles Messina kellhom laqgħa mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne. L-Ombudsman qal li Fearne enfasizza li l-ammont ta’ doża li l-Gvern se jkun qed jixtri se jkun addizjonali ma’ dawk li ngħataw b’donazzjoni mill-manifatturi, b’intervent personali tal-President Marie Louise Coleiro Preca.
//= $special ?>