Ambjent Lokali

Muscat jgħid li se jintaxxa lil min iħalli postijiet vojta fis-settur kummerċjali

Il-Prim Ministru qal li l-gvern hu mpenjat li jnaqqas l-ispazju użat għall-bini u għalhekk se jintaxxa lil min iħalli postijiet vojta fis-settur kummerċjali. Jospeh Muscat qal li hu jaqbel li minflok tkun okkupata iktar tard, ikunu approvati proġetti ta’ bini għola. Dwar dan ikkummentat l-ambjentalista Astrid Vella li qalet li din hi idea skaduta tat-tmenijiet.

Fid-diskussjoni l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja ppreżentat il-proposti tagħha dwar l-ambjent fejn fost l-oħrajn qed tappella lill-Gvern biex tinforza r-regoli b’mod ġust ma’ kulħadd u li l-politiċi joqgħodu ħafna attenti biex jaċċertaw lil dawk il-postijiet li jżuru jkollhom il-permessi ambjentali u ta’ żvilupp.

Il-Prim Minisitru qal dan waqt diskussjoni  dwar id-dokument ‘Laudato Si’ fil-preżenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li saret fl-Istitut Kattoliku. Fid-diskussjoni pparteċipaw ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna, l-uffiċjal tal-AD Carmel Cacopardo u rappeżentanti ta’ għaqdiet ambjentali.

Fid-diskussjoni Simon Busuttil qal li l-qasma fil-MEPA se tkun pass lura fl-ambjent fosthom billi l-gvern qed jopponi għall-parteċipazzjoni tal-NGOs. Dan hu gvern li issa qed jivvota anki kontra proposti li kienu fil-programm elettorali Laburista stess, sostna Busuttil.

Il-Prim Ministru wieġeb billi semma l-każ ta’ Monteskristo u qal li din hi kwistjoni li tweġġa’ u spjega kif fil-post issir ukoll fiera kbira li għaliha kien inżamm il-permess iżda kien instab mezz kif isir appell li bidel id-deċiżjoni. Dwar ż-zoo li hemm f’Monteskristo, il-Prim Ministru enfażizza li l-liġi għandha tkun għal kulħadd l-istess.

Il-Prim Ministru ħabbar li l-gvern se jressaq liġi li peremezz tagħha se jsir skrutinju tal-persuni li jkunu magħżula biex iseru f’ċertu karigi. Dan l-iskrutinju se jsir permezz ta’ kumitat li jkun presedut mill-Oppożizzjoni.

Il-perit u rappreżentant ta’ Din l-Art ħelwa Joanna Spiteri Staines kkritikat il-mod kif li-gvern operat biex sar il-pavimentar ta’ Pjazza Kastilja u qalet li fl-1995 kien hemm proċeduri twal sa disa’ xhur biex twaħħal camera tas-sigurtà. Dwar il-kmamar illegali, Spiteri Staines qalet li din hi l-akbar problema ambjentali fuq skala nazzjonali.

Meta saret riferenza għall-wegħda elettorali li jsir qabel l-elezzjoni, il-Prim Ministru qal li hu jaqbel li jekk isiru dawn il-wegħdi l-poplu għandu jkun jaf u għalhekk dawn għandhom isiru fil-pubbliku. Dwar dan il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu evidenti li qabel l-aħħar lezjzoni Joseph Muscat għamel diversi wegħdi mhux fil-pubbliku.

B’reazzjoni l-Prim Ministru qal li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf b’xi wegħda allura kelli jgħidha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hu evidenti li l-każ tal-Cafè Premier kien wegħda elettorali tant li eżatt l-għada tal-elezzjoni s-sidien ma fetħux iktar l-istabbilment.

Proposti oħra tal-Knisja huma li l-gvern jalloka fondi għal studju dwar il-provvista tal-ilma, li l-gvern iwettaq riformi fil-mod kif jikri, jagħti b’ċens jew jgħaddi art pubblika lil terzi persuni u li l-amministrazzjoni tal-art m’għandiex tkun idettata minn min irid jaħtaf art jew propjetà tal-gvern. Il-Knisja qed tappella lill-gvern biex iħares l-ispazju limitat fil-pajjiż, biex isaħħaħ it-tmexxija fl-Awtorità tal-Ippjanar u biex jiżgur ali jkun hemm kontrolli u verifikar.

Il-Kummissjoni tal-Knisja qalet li s-sostituzzjoni tal-Pjan ta’ Struttura fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED), li hu fih innifsu dokument dgħajjef ħafna, ma jawgurax tajjeb li fil-pajjiż ikun hawn proċess rigoruż ta’ ippjanar.