Lokali

Nhar il-Ħadd jitnieda d-dokument tal-PN dwar il-governanza tajba

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil preżentat bir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Ħadd li ġej il-Partit Nazzjonalista se jniedi d-dokument dwar il-governanza tajba. Dokument li se jkun qed ifassal sensiela ta’ standards li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mill-ewwel jum ta’ Gvern Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar dan meta dalgħodu kien qed jilqa’ fl-uffiċju tiegħu fid-Dar Ċentrali lil Louis Galea, il-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien qed jiġi preżentat bil-kopja tar-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, b’Simon Busuttil jgħid li d-dokument dwar il-governanza tajba tal-Partit Nazzjonalista se jkun ispirat mill-istandards Ewropej riflessi f’dan ir-rapport annwali.

Simon Busuttil fakkar li l-fondi Ewropej, sa’ mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, huma l-akbar injezzjoni ta’ investiment f’pajjiżna fl-istorja, fejn b’kollox pajjiżna bbenefika minn €2.5 biljuni.

Dwar l-aħbar li ġiet żvelata ftit ġimgħat ilu, li l-Gvern tellef lil pajjiżna madwar €11-il miljuni f’fondi Ewropej minħabba għotjiet irregolari ta’ kuntratti għall-proġett ta’ Triq il-Kosta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li hu inkwetanti li l-fondi Ewropej jintilfu b’dan il-mod u reġa’ appella lill-Gvern għal risposta ċara.

Min-naħa tiegħu, il-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Louis Galea qal li hu d-dover ta’ kull membru ta’ din il-Qorti li jirrappreżenta r-rapport annwali lill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Hu spjega l-importanza ta’ dan ir-rapport annwali, li fi kliem sempliċi, hu eżami tan-nefqa tal-baġit tal-Unjoni Ewropea, baġit li fl-aħħar mill-aħħar hu mħallas mit-taxxi tal-poplu Ewropew. Hu fisser l-irwol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u qal li ssir eżaminazzjoni tal-programmi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u r-riżultati li qed iħallu.

Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar lil Louis Galea għar-reputazzjoni tajba li stabilixxa fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri u feraħlu għax-xogħol li qed iwettaq.