Lokali

“Offendieh b’ommu għax għatas” – xhud ta’ “inċident xenofobiku”

Xhud jirrakkonta “inċident xenofobiku” ta’ Malti li offenda omm raġel ta’ karnaġġjon skur… talli għatas

Malti li kien fuq karozza tal-linja spjega li kien “xhieda ta’ inċident xenofobiku” meta Malti ieħor offenda omm raġel ta’ karnaġġjon skur talli għatas mingħajr m’għatta ħalqu.

Żagħżugħ li kien xhud tal-inċident spjega li kollox beda meta raġel ta’ karnaġġjon skur, viżibilment għajjien, għatas mingħajr m’għatta ħalqu. Azzjoni li qanqlet ir-reazzjoni “sproporzjonata ta’ “Malti ta’ madwar 50 jew 60 sena”.

Skont dan ix-xhud, filwaqt li kulħadd jaqbel li mhumiex manjieri li wieħed jagħtas mingħajr ma jgħatti ħalqu, il-Malti “b’ħanġra daqsiex offenda lill-iswed b’ommu.”

Dan wassal biex “ir-raġel ta’ karnaġġjon skur dar, kif kulħadd kien jagħmel f’dik is-sitwazzjon, u ħatfu talli offendih.”

Ix-xhud kompla li “l-Malti, minflok għaraf li żbalja u talab skuża, kien lest li jerfa’ idejh fuq l-iswed u kellu jkun żagħżugħ Malti li kien pront u żamm lill-Malti.”

Ix-xhud, li rrakkonta din l-esperjenza fuq il-media soċjali, temm “nistħi ngħid li nies bħal dan ir-raġel xenofobiku huma Maltin bħali, madanakollu jinkoraġġini l-fatt li l-maġġoranza tal-Maltin jagħrfu li kulħadd bniedem u ħadd mhu inqas jew aktar minn ħaddieħor.”