Sitt għaqdiet u istituzzjonijiet li jaħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti wrew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar it-twaqqif ta’ kumitat konsultattiv, kif imħabbar mill-Ministru tal-Edukazzjoni, biex ibiddel il-liġi tal-Ilsien Malti.
L-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta, l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Malti tal-UOM Junior College saħqu li l-konsultazzjoni pubblika, li kienet miftuħa għal kulħadd u li fiha ħadu sehem madwar 200 ruħ, diġà saret fis-7 ta’ Novembru u diġà wriet x’inhuma x-xewqat u l-fehmiet ta’ firxa kbira ta’ nies.
Insistew li ma jaqblux ma’ “bidliet li jdgħajfu l-liġi tal-Ilsien Nazzjonali”, li għaddiet mill-Parlament bi qbil unanimu fl-2004, u li “l-Gvern jieħu miżuri li bihom titnaqqar l-awtonomija u tixxekkel il-ħidma tal-Kunsill tal-Malti mill-gvern tal-ġurnata”. Fl-istess ħin, esprimew it-tama li l-proposti mressqa min-naħa tal-Kunsill, jintlaqgħu mill-Gvern.
Spjegaw li l-Ministru Bartolo kemm-il darba faħħar ħidmet il-Kunsill iżda, sostnew, bit-twaqqif ta’ dan il-kumitat konsultattiv tingħata l-impressjoni li l-Gvern m’għandux fiduċja fil-Kunsill.
Fakkru wkoll li, kif juri fid-dettall il-ktieb li jiddokumenta l-ħidma tal-Kunsill fl-ewwel għaxar snin tiegħu, il-konsultazzjoni hi parti integrali mill-mod kif jaħdem u tirrifletti l-ispirtu u l-kelma li hemm fil-Liġi.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti tenna li qed jaħdem biex jistandardizza l-kitba tal-Malti u jnaqqas l-inċertezzi għax-xandara, il-ġurnalisti, l-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri, it-tradutturi, il-pubblikaturi, l-uffiċjali u l-ħaddiema fis-servizz pubbliku, l-emigranti Maltin, u l-poplu b’mod ġenerali.
Qal ukoll li kif titlob minnu l-Liġi, qed jimxi b’kunsens kemm jista’ jkun wiesa’. Spjega li kulħadd għandu dritt jaqbel jew ma jaqbilx ma’ deċiżjonijiet individwali li jkunu ttieħdu, iżda wkoll li kulħadd irid jirrispetta l-proċess demokratiku u serju li jkun sar u jimxi mal-Liġi.
L-għaqdiet ikkonkludew li waqt li jappoġġjaw kull sforz ġenwin għat-tisħiħ tal-Malti, spjegaw li ma jaqblux lanqas li jinbidlu deċiżjonijiet importanti dwar kif jinkiteb u jitħaddem il-Malti waqt li spjegaw li bidliet bla bżonn jitfgħu l-ilsien bosta snin lura għaż-żmien ta’ meta, min jikteb bil-Malti kien dejjem inċert bejn il-fehmiet kuntrastanti ta’ ftit individwi.
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li jinnota l-punti fl-istqarrija tal-Akkademja tal-Malti u entitajiet oħra fuq il-kumitat konsultattiv biex jissaħħaħ il-Kunsill Nazzjonali tal-Malti. Qal li l-Ministeru jemmen li dan il-proċess se jkun qed isaħħaħ ix-xogħol ta’ dan il-kunsill u fl-istess ħin iġib miegħu titjib fil-lingwa Maltija. Kull entita’ pubblika għandha d-dover li tisma’ u tikkonsulta mall-pubbliku u dan il-kumitat se jkun qed jkompli jagħmel propju dan.
//= $special ?>