Internazzjonali

Splużjoni fil-Kajr: mill-anqas 16 maqtula f’ristorant

Mill-anqas 16-il persuna nqatlu u ħamsa oħra weġġgħu serjament f’attakk li seħħ dalgħodu f’ristorant fiċ-ċentru tal-kapitali Eġizzjana Kajr.

Kelliem għall-Ministeru tal-Intern Eġizzjan qal li l-attakk, permezz ta’ bombi, seħħ fi tmiem argument jaħraq bejn numru ta’ impjegati fl-istabbiliment stess.

Fil-fatt, qed jingħad li l-moħħ wara l-attakk kien raġel li riċentament ma baqax jaħdem fir-ristorant.

Rapporti qed jgħidu li qabel l-isplużjonijiet, tliet persuni b’wiċċhom mgħammad dehru deħlin fl-istabbiliment, tefgħu xi oġġetti u ħarbu mill-post.

Iżda minħabba li r-ristorant jinsab taħt l-art, kienet diffiċli għal min kien ġewwa li jaħrab mill-post.

Filmat imxandar mill-media Eġizzjana qed juri wkoll persuna tipprova tikkontrolla n-nirien permezz ta’ fire extinguisher, hekk kif il-vittmi jirriżulta li mietu maħruqa jew kawża tad-duħħan li belgħu.