Lokali

Taljan li qed ikun akkużat b’importazzjoni tad-droga, mhux se jkun estradit lejn Malta

Il-mandat ta’ arrest għal Raffaele Sica, li jinsab imfittex mill-Pulizija Maltija fuq akkużi li daħħal f’pajjiżna ‘il fuq minn kilo droga, huwa null.

Skont il-media f’Salerno, l-awtoritajiet Maltin ma tawx raġuni għal dan l-arrest. U għalhekk it-Taljan ta’ 49 sena spiċċa inħeles mill-ħabs.

Sica kien imfittex mill-Pulizija Maltija fuq akkużi li daħħal f’pajjiżna ‘il fuq minn kilo droga marjuwana.

Il-mandat ta’ arrest għal Sica ħareġ f’Settembru li għadda. Meta ġie arrestat, huwa kien fid-dar ma’ ommu.

Mal-ewwel bdew il-proċeduri mill-avukati tiegħu biex iwaqqgħu dan l-arrest għaliex Sica minn dejjem sostna li kien bla bażi. U issa jidher illi l-Pulizija f’Malta ma produċietx biżżejjed raġunijiet sabiex tissostanzja din it-talba għall-arrest biex Sica jiġi estradit lejn pajjiżna.

L-akkużi fil-konfront ta’ Sica kienu nibtu minn testimonjanza ta’ Taljan iehor f’Malta. Dak iż-żmien, Raffaele Sica kien qed imexxi restorant f’pajjiżna.

Issa jidher li l-każ spiċċa għal kollox, u Sica mhux se jkun estradit lejn Malta.