Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ) ikkritikat l-imbuttatura favur mina bejn Malta u Għawdex u sostniet li din qed issir biss biex jinkisbu l-voti.
ADŻ ikkritikat li l-mina qed tiġi proposta qabel ma jsiru studji ġeoloġiċi, soċjali, ambjentali u dawk ta’ impatt fuq in-negozju u qalet li din ma tipprovdix soluzzjoni fit-tul għall-problema reali li hi l-konġestjoni fit-traffiku miċ-Ċirkewwa lejn iċ-ċentru ta’ Malta.
ADŻ qalet li l-ispejjeż reali ta’ mina għadhom iridu jiġu stabbiliti u li mini li saru f’postijiet oħra juru li l-ispejjeż kienu ferm ogħla minn dawk li qed jissemmew f’Malta. Għalhekk, saħqu ż-żgħażagħ ta’ AD, aktarx li n-noll u s-sussidji għal mina jkunu ferm għolja. Fl-istess ħin, sostnew li mina se żżid l-ispejjeż għall-fjuwil għall-Għawdxin meta servizz veloċi bil-baħar lejn il-Port il-Kbir inaqqas l-ispejjeż u l-konġestjoni tat-traffiku, minbarra t-tniġġiż.
Marc’Andrea Cassar, Chairperson ta’ ADŻ, appella lill-Gvern biex jinvesti f’sistemi aħjar ta’ trasport pubbliku, inkluż bil-baħar li jkun iktar veloċi u orħos.
Il-kelliem ta’ ADŻ, Pascal Aloisio, qal li mina teqred il-karattru uniku t’Għawdex waqt li trendi s-servizz tal-Gozo Channel bħala wieħed mhux vijabbli u l-ħafna ħaddiema tal-vapur jitilfu xogħolhom.
//= $special ?>