Żewġ Libjani li għandhom permess ta’ residenza maħruġ minn Malta inqabdu f’Pozzallo b’passaporti u dokumenti oħra foloz mill-pulizija Taljana hekk kif kienu fi triqthom lejn Malta.
Skont mezzi tax-xandir Taljani, iż-żewġ Libjani kienu qed iduru f’diversi nħawi b’karozza sportiva tal-għamla Chevrolet Camaro tant li qajjmet suspetti mill-Pulizija ta’ Ragusa.
Il-Libjani kienu nterċettati mill-pulizija fil-port ta’ Pozzallo u nstab li kellhom biljetti maqtugħin biex jaqbdu l-katamaran lejn Malta. Kienet propju l-ispezzjoni ta’ dawn id-dokumenti li wasslet għall-arrest, kif ukoll is-sejba ta’ pjanċi tal-karozzi Libjani.
Il-media Taljana qalet ukoll li wieħed mill-Libjani kien diġa’ inqabad darb’oħra sentejn ilu f’Catania.
Dan l-arrest hu l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ arresti ta’ persuni li kienu qed jivvjaġġaw lejn Malta b’passaporti u dokumenti oħra foloz.
//= $special ?>

