Lokali

Appell lill-Gvern biex jinforza r-regoli b’mod ġust ma’ kulħadd

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ta appoġġ lill-Gvern jekk dan jiddeċiedi li jieħu azzjoni dwar il-kmamar llegali li hemm f’diversi postijiet f’Malta fosthom fl-Armier.

Dan qalu waqt diskussjoni dwar id-dokument ‘Laudato Si’ fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat li saret fl-Istitut Kattoliku. Fid-diskussjoni pparteċipaw ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna, id-Deputat Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo u rappeżentanti ta’ għaqdiet ambjentali.

Għall-pożizzjoni mfissra mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-kmamar llegali, il-Prim Ministru wiegħed li l-Gvern irid ineħħi l-illegalità iżda jrid ikun rikonoxxu li mhux il-kmamar kollha huma llegali.

Fid-diskussjoni l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja ppreżentat il-proposti tagħha dwar l-ambjent fejn fost l-oħrajn qed tappella lill-Gvern biex tinforza r-regoli b’mod ġust ma’ kulħadd u li l-politiċi joqgħodu ħafna attenti biex jaċċertaw lil dawk il-postijiet li jżuru jkollhom il-permessi ambjentali u ta’ żvilupp.

Proposti oħra tal-Knisja huma li l-Gvern jalloka fondi għal studju dwar il-provvista tal-ilma, li l-gvern iwettaq riformi fil-mod kif jikri, jagħti b’ċens jew jgħaddi art pubblika lil terzi persuni u li l-amministrazzjoni tal-art m’għandiex tkun idettata minn min irid jaħtaf art jew propjetà tal-gvern.