Lokali

Ħames Maltin arrestati wara sejba ta’ droga

Ħames persuni ġew arrestati wara sejba ta’ droga f’residenza fi Triq Filomena il-Kalkara. Fir-residenza nstabu diversi qratas bi trab kannella aktarx kokaina, diversi biċċiet ta’ droga aktarx raża tal-kannabis kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Dan apparti li nstabu sustanzi aktarx eroina u kannabis fuq il-persuna tal-Maltin arrestati.

Il-Pulizija qalet li wara ġimgħat ta’ osservazzjoni fuq din ir-residenza, fejn allegatament kien qed isir abbuż ta’ droga, saru l-arresti s-Sibt filgħodu.

L-etajiet tal-ħames persuni arrestati jvarjaw bejn it-33 u s-67 sena u t-tfittxija saret bl-assistenza tas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija.

L-irġiel qed jinżammu mill-Pulizija biex jgħinu fl-investigazzjonjiet li għadhom għaddejjin. Aktarx huma jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.