Id-delegati preżenti għall-konferenza dwar il-klima tan-Nazzjonijiet Uniti li qed issir fi Franza approvaw abbozz tal-kliem li jittamaw għandhom jiffurmaw il-bażi ta’ ftehim globali li jikkontrolla l-gassijiet magħrufa bħala carbon emissions.
Il-COP21 – jew il-21 sessjoni tal-Konferenza għall-Partijiet Interessati – tinvolvi mal-195 pajjiż , li r-rappreżentanti tagħhom qed jiltaqgħu f’Pariġi biex jiddiskutu ftehim ġdid potenzjali li jindirizza t-tibdil fil-klima fuq livell globali.
Il-ftehim jaħseb, fuq kollox, għat-tnaqqis ta’ gassijiet greenhouse dovuti għall-attività tal-bniedem li qegħdin jikkontribwixxu għall-fenomenu tal-global warming.
Intant, l-abbozz — dokument ta’ 48 paġna – għandu jkun diskuss mill-Ministri nhar it-Tnejn, bl-iskop li huma jilħqu ftehim komprensiv sal-aħħar tal-ġimgħa.
Id-delegati f’Pariġi baqgħu jistinkaw tul il-lejl tal-Ġimgħa biex iwasslu għal dan l-abbozz. Din il-fażi tat-taħditiet saret fiċ-ċentru tal-konferenzi f’Le Bourget u meta għad iridu jkunu riżolti kwantità ta’ differenzi politiċi ewlenin.
Fl-istess ħin, id-delegati huma konxji li ż-żmien qed jagħfas biex din il-konferenza, jew summit, twassal għal riżultati konkreti li , ‘il quddiem, ikunu implimentati bħala miżuri prattiċi għall-ħarsien tal-klima.
Id-dokument, issa, irid ikun evalwat mill-Ministri li se jieħdu d-diversi deċiżjonijiet politiċi meħtieġa, jekk il-kliem elenkat għandu jifforma l-bażi ta’ ftehim fit-tul.
L-Ambaxxatur Franċiż dwar il-Klima, Laurence Tubiania qal li d-dokument jirrifletti r-rieda ta’ kulħadd biex jaslu għal ftehim, iżda issa fadal il-ħidma sostanzjali lejn soluzzjoni tal-issues politiċi.
Ħafna delegati huma kuntenti li waslu sa dan il-punt, li jitqies bħala fażi kritika wara erba’ snin ta’ negozjati. Dan meta d-dokument jiffissa diversi għażliet għall-Ministri dwar x’għandu jkun l-iskop tal-ftehim globali għat-tul taż-żmien. Ingħatat importanza wkoll lill-metodi li jiġġeneraw il-finanzi għall-kontroll tal-klima għall-Istati foqra.
//= $special ?>