Lokali

“Id-demokrazija industrijali mhedda” – il-UĦM; azzjonijiet industrijali ġodda

Aġġornata

Ix-xufiera b’direzzjoni biex ma jsuqux karozzi tal-linja twal 12-il metru jew aktar

“Id-demokrazija industrijali hi mhedda” insista l-Kap Ezekuttiv tal-UĦM Josef Vella meta ħabbar azzjonijiet industrijali ġodda għat-trasport pubbliku.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tordna lix-xufiera tat-trasport pubbliku biex ma jsuqux karozzi tal-linja twal 12-il metru jew aktar. Dan wara li l-Qorti laqgħet it-talba tal-Malta Public Transport biex il-UĦM twaqqaf l-azzjoni industrijali li ddaħħlet fis-seħħ ilbieraħ, fejn ix-xufiera ma bdewx jaċċettaw ħlas mingħand il-passiġġieri.

F’konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b’urġenza, il-UĦM iddikkjarat li hi mhux lesta li tabbanduna din il-ġlieda, li skont Josef Vella, qed tkompli tikkonferma kemm id-demokrazija industrijali f’pajjiżna hi mhedda, peress li l-kumpanija tat-trasport pubbliku għadha mhux qed tirrikonoxxi lill-UĦM.

UĦM Voice of the Workers saħqet li l-Autobuses de Leon, l-operatur li jħaddem it-trasport pubbliku f’Malta, għandu jibgħat notifika minnufih ta’ għarfien u jagħti d-dritt lil din il-union sabiex tibda tinnegozja għan-nom tal-ħaddiema.

“Ħadd mhu se jmexxina minn imneħirna: dak li hu tagħna bi dritt, għandna noħduh” – Josef Vella

Josef Vella stqarr li ma jistax jifhem kif il-kumpanija Autobuses de Leon qed twebbes rasha minflok ma tpoġġi madwar il-mejda u tibda tinnegozja u dan bi ħsara għad-dritt kostituzzjonali tal-assoċjazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella iddikjara li mhu se tħalli lil ħadd jiġbidha minn imenħirha tenna li d-demokrazija industrijali qed tiġi mhedda, filwaqt li saħaq li dak li hu bi dritt għandu jingħatalha b’mod sħiħ.

Żied li fejn il-management jonqos milli jagħraf Union li pprovat il-maġġoranza tagħha, għandu jkun il-Gvern li jassumi r-responsabbiltà li jagħti għarfien lill-Union. Josef Vella għamilha ċara li l-Gvern m’għandux jaħsel idejh f’dan ir-rigward, iżda għandu jara lid-demokrazija industrijali titħaddem b’mod sħiħ.