Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja biex jieqaf jiġi kkontrollat minn Kastilja

Fid-dawl tad-deċiżjoni u t-twissija serja tal-Awtorita’ tax-Xandir fil-konfront tal-istazzjon nazzjonali, li naqas milli jxandar it-theddid tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja biex jieqaf iħalli lilu nnifsu jiġi kkontrollat minn Kastilja, għaliex aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jitlef il-kredibilita’ tiegħu.

Dan l-appell għamlu l-Kelliem tad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-istazzjon nazzjonali fi Gwardamanġa. Clyde Puli qal li sfortunatament, il-lealta’ tal-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja mhux qed tkun lejn it-telespettaturi, iżda lejn Kastilja. “Quddiemna għandna deċiżjoni oħra tal-Awtorita’ tax-Xandir li tikkundanna bla riżervi l-mod kif il-Kap tal-Aħbarijiet jagħżel li jxandar jew ma jxandarx l-aħbarijiet fuq ix-xandir nazzjonali,” qal Clyde Puli.

Id-deċiżjoni tal-Awtorita’ tax-Xandir tgħid hekk: “L-Awtorita’ tilqa’ l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista dwar in-nuqqas ta’ immedjatezza fix-xandir ta’ din l-aħbar u ssib li l-istazzjon naqas serjament mill-obbligi tiegħu meta ddeċieda li ma jirreferix għal dan l-inċident fl-ewwel opportunita’ li kellu wara li sar jaf li dan seħħ. L-Awtorita’ ma tistax ukoll ma telenkax il-preokuppazzjoni tagħha li l-istazzjon pubbliku ma jkollux ġurnalist preżenti fil-Parlament biex jagħti r-rapporti tiegħu, minkejja li fil-bulettini tal-Aħbarijiet regolarment tingħata l-impressjoni lit-telespettatur li l-kollegament ikun qed isir direttament mill-Parlament.”

Clyde Puli sostna li din is-sentenza hija waħda minn sensiela ta’ ġrajjiet li jikkonfermaw kemm il-PBS tilef kull kredibilita’ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bilanċ u imparzjalita’. Hu ta sensiela ta’ eżempji li seħħew din is-sena u li jsaħħu dan l-argument: is-sentenza tal-Awtorita’ tax-Xandir tal-11 ta’ Settembru li tat raġun lill-Partit Nazzjonalista meta lmenta li l-PBS ma ħax il-veduti tiegħu dwar dak li kien qal il-Ministru Konrad Mizzi dwar il-Power Station tal-gass il-manipulazzjoni tal-aħbar ta’ din il-ġimgħa dwar it-tkeċċija ta’ 300 ħaddiem mill-kumpanija De La Rue il-fatt li l-ġimgħa li għaddiet ma xandarx l-aħbar mill-Qorti Kostituzzjonali li kkundannat id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela għall-aġir tiegħu fil-kawża dwar iż-żewġ siġġijiet nieqsa li għandu l-Partit Nazzjonalista fil-Parlamentil-manipulazzjoni fl-aħbarijiet dwar iċ-CHOGM meta l-PBS qal li kollox mar tajjeb waqt li s-siti l-oħrajn irrappurtaw li ħafna mill-mexxejja waslu tard minħabba t-traffikuil-manipulazzjoni fl-aħbar dwar l-investigazzjoni tal-Isptar Mater Dei meta l-PBS qal li l-eks Sindku tal-Imsida Alex Sciberras ma kellu ebda rwol fl-inkjesta, waqt li l-verita’ hi li kellu rwol importanti il-mod konsistenti kif dikjarazzjonijiet importanti li tagħmel id-Deputat Marlene Farrugia jiġu njorati mill-bulettini tal-aħbarijiet in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux qed jinvestiga lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo jew le in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-iskandlu tal-Cafe’ Premier

Minn naħa tiegħu, l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Matthew Paris sostna li l-argument li l-Partit Nazzjonalista ressaq quddiem l-Awtorita’ tax-Xandir kien wieħed ċar: li ladarba l-PBS stess irrikonoxxa dak li ġara fil-Parlament bħala valur ta’ aħbar, tant li xandar ir-ruling tal-Ispeaker u anke l-iskuża ta’ Joe Debono Grech, kellu wkoll jirrapporta dak li seħħ fil-Parlament jew dakinhar li ġara jew almenu l-għada – xi ħaġa li l-PBS naqas milli għamel.

Matthew Paris sostna li l-pubbliku Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar mill-istazzjon nazzjonali li jitħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu qal li meta wieħed jara kemm l-aħbarijiet imxandra fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq is-sit www.tvm.com.mt, filwaqt li mhux dejjem ikun qed jikser il-liġi tax-xandir, ħafna drabi jkun qed jibgħat messaġġi li jkunu konformi biss mal-messaġġ tal-Gvern.