It-tħassib li tqajjem fil-Parlament fl-aħħar ġimgħat dwar jekk il-bini ta’ rampa li saret għal dawk b’diffikultà ta’ mobbilità fil-Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex, hix skont il-liġi, kien ikkonfermat fi spezzjoni li saret mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD), u li rriżultalha li r-rampa mhix aċċessibbli għal kulħadd.
Dan it-tħassib kien tqajjem mix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, meta, kien appella fil-Parlament lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità biex fi żjara ta’ spezzjoni li kienet se tagħmel tassigura li rampa li saret għal dawk b’diffikultà ta’ mobbilità u li twassal għall-Katidral fiċ-Ċittadella, hi skont il-liġi.
Din ir-rampa nbniet biex tagħti aċċess lil persuna b’nuqqas ta’ mobilità, għall-Qorti ta’ Għawdex, għall-Katidral u għall-kumplament taċ-Ċittadella.
Meta wieġeb mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister Chris Said, il-Ministru Michael Farrugia kkonferma li matul l-ispezzjoni li saret dan l-aħħar fuq il-post, irriżulta li r-rampa fi Pjazza Katidral mhix aċċessibbli għal kulħadd.
Dan minkejja li l-Perit tal-KNPD fir-rapport tiegħu datat 29 ta’ Settembru 2011 ma sabx oġġezzjoni għall-pjanti li ntbagħtu lill-KNPD mill-MEPA suġġett li l-iżvilupp ikun skont l-Access for All Design Guidelines.
L-istess rapport jgħid ukoll b’mod ċar li r-responsabbiltà aħħarija hija tal-applikant li x-xogħlijiet isiru skont l-Access for All Design Guidelines.
Il-Ministru Farrugia qal li huwa obbligu tal-KNPD li tara li postijiet pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd u għaldaqstant hija obbligata li tara li l-Qorti ta’ Għawdex, il-Katidral u ċ-Ċittadella jkunu aċċessibbli.
Fin-nuqqas ta’ dan, il-KNPD se tagħmel dak kollu neċessarju biex jinstab rimedju għan-nuqqas ta’ aċċess fiżiku u l-postijiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd b’konformità mal-Access for All Design Guidelines.
//= $special ?>