Internazzjonali

Isibu bastiment bit-teżor li għereq 300 sena ilu barra l-Kolombja

Il-President tal-Kolombja Juan Manuel Santos qed jiċċelebra s-sejba ta’ bastiment Spanjol li kien mgħobbi bit-teżor meta għereq aktar minn 300 sena ilu fil-limiti tal-belt ta’ Cartagena.

Il-bastiment ‘San Jose’ kien għereq wara li spiċċa attakkat minn bastiment tal-gwerra Britanniku u l-esperti jsostnu li s-sejba tal-fdalijiet għandu sinifikat enormi peress li s-‘San Jose’, dakinar, kien qed iġorr ‘l-akbar kunsinna ta’ oġġetti prezzjużi li qatt intilfu fuq il-baħar’.

Intant, id-dritt tal-proprjetà fir-rigward tat-teżor mitluf ilu żmien suġġett għal tilwima legali.

Meta għereq, f’Ġunju tal-1708, il-bastiment ‘San Jose’ kien qed iġorr kunsinna ta’ deheb, fidda u ġojjelli li kienu nġabru mill-kolonji tal-Amerika t’Isfel. Dan it-teżor kellu jitwassal lejn Spanja biex jiffinanzja l-gwerra ta’ dak iż-żmien bejn l-Ispanjoli u l-Britanniċi, iżda d-destin iddeċieda mod ieħor.

Kien proprju grupp li, illum, spiċċa inkorporat mill-kumpannija Amerikana Sea Search Armada (SSA) li, fl-1981, indika z-zona fejn kien għereq il-bastiment.