Żewġ persuni jistgħu jodduha b’waħda wara li matul il-lejl li għadda baqgħu neżlin m’ogħla tliet sulari wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.40 fil-by-pass ta’ San Pawl Il-Baħar.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher, li filwaqt li ix-xufier ta’ 29 sena minn Naxxar u l-passiġġier ta’ 32 sena minn tas-Sliema kienu fil-karozza tat-tip Mercedes, fid-direzzjoni għax-Xemxija, għal xi raġuni tilfu il-kontroll bir-riżultat li l-karozza laqtet barrier u baqgħet nieżla m’ogħla tliet sulari biż-żgħażagħ b’kollox.
Fuq il-post issejħu l-membri mid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, membri mill-Korp tal-Pulizija, u membri mill-Isptar Mater Dei. Ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Malta tella’ lill-passiġġier ta’ 32 sena mill-wied. Ix-xufier ta’ 29 sena irnexxielu jitla’ waħdu. Jirriżulta li mal-impatt il-karozza ħadet in-nar u għalhekk iż-żgħażagħ pruvaw jimxu kemm jista’ jkun ‘il bogħod mill-karozza.
Iż-żewġ żgħażagħ ittieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Ix-xufier sofra minn ġrieħi ħfief, filwaqt li l-passiġġier sofra minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>