Ajruplani tal-gwerra tar-Renju Unit ħadu sehem f’tieni sensiela ta’ attakki fuq l-ISIS fis-Sirja wara l-ewwel offensiva ta’ nhar il-Ħamis mill-qawwiet Britanniċi li segwiet il-vot speċifiku għall-azzjoni mill-Parlament f’Londra.
L-ajruplani, mill-ġdid, ikkonċentraw fuq iz-zoni li jipproduċu ż-żejt li waqgħu f’idejn it-terroristi u li kienu jinkludu l-inħawi ta’ Omar. Il-missjoni ġdida kienet tinvolvi żewġ ajruplani tat-tip Tornado u, għall-ewwel darba, żewġ ajruplani tat-tip Typhoon.
Il-Ministru tad-Difiża Britanniku, Michael Fallon, qal li l-aħħar attakki ‘urew il-vera qawwa tal-Royal Air Force (RAF)’ waqt li spjega li d-dinja qed tiffaċċja ‘għadu differenti (l-ISIS) li ma jagħmilx talbiet u li lanqas mhu dispost għal negozjati’.
It-Typhoons u t-Tornados użaw missili ta’ preċiżjoni biex jolqtu zoni għall-produzzjoni taż-żejt ‘bl-iskop li jeliminaw is-sorsi li jipprovdu introjtu dirett lit-terroristi’. Ingħad ukoll li drone ikkontrollat mill-RAF irnexxielu jeqred trakk-bomba tal-ISIS fit-Tramuntana tal-Iraq.
L-RAF ilu jwettaq azzjonijiet kontra l-ISIS fl-Iraq mis-sena l-oħra, bl-ajruplani tiegħu qed jitilqu minn bażi f’Ċipru għal dawn il-missjonijiet.
Għalissa, l-Istati Uniti mexxiet kważi l-attakki tal-ajru kollha fis-Sirja u l-Iraq, bil-qawwiet ta’ Franza, l-Awstralja u d-Danimarka wkoll qegħdin jagħtu sehem fil-kampanja anti-ISIS.
//= $special ?>