Internazzjonali

‘L-isparaturi mhumiex se jitterrorizzaw lill-Amerikani’ – Barack Obama

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, qal li l-poplu Amerikan ‘mhux se jkun terrorizzat’ mill-massakru ta’ jiem ilu f’Kalifornja, fejn raġel u martu spiċċaw joqtlu 14 il-persuna f’ċentru għas-servizzi soċjali, fil-belt ta’ San Bernardino.

L-attakk kiesaħ u biered ħalla wkoll diversi midruba, bl-aggressuri – identifikati bħala Syed Rizwan Farook u Tashfeen Malik — aktar tard jinqatlu waqt sparatura mal-pulizija.

Sadanittant, Obama, li kien qed jagħmel diskors fuq ir-radju, qal li l-poplu Amerikan hu wieħed b’saħħtu waqt li sostna li ‘hemm kull possibbiltà li l-aggressuri ta’ San Bernardino kienu spiċċaw radikalizzati.’

Obama qal li l-ISIS u gruppi terroristiċi oħra qegħdin jinkoraġġixxu b’mod attiv lin-nies madwar id-dinja biex iwettqu atti terribbli ta’ vjolenza. Hu spjega li l-Gvernijiet u l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi jeħtieġu jistinkaw biex jevitaw sitwazzjonijiet fejn in-nies jispiċċaw vittma tal-ideoloġiji li jibbażaw fuq il-qerda u l-mibgħeda.

Is-servizzi tal-FBI, bħalissa, qegħdin jinvestigaw l-isparatura f’San Bernardino bħala ‘att terroristiku’ . Fi żviluppi oħra, l-ISIS, permezz ta’ xandira fuq ir-radju, faħħar l-attakk li qal ‘kien twettaq minn żewġ sostenituri tiegħu’. Ix-xandira bbażat fuq ir-rapporti li ħarġu fl-aħħar jiem u kienet l-ewwel ‘reazzjoni’ mill-ISIS dwar il-każ.

L-FBI qed tiċċirkola ritratt ta’ Malik fost rapporti li l-mara, qabel l-attakk, kienet bagħtet messaġġ fuq Facebook fejn ħalfet lealtà lill-Kap tal-ISIS, Abu Bakr Al Bagdadi. Madankollu għad mhemmx indikazzjonijiet li Malik u żewġha kienu qed isegwu xi direttivi tal-ISIS.

Aktar qabel, l-aġenti tal-FBI fittxew fir-residenza tal-aggressuri fejn sabu tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi, flimkien ma’ kwantità ta’ armi u ammont kbir ta’ munizzjon. Filwaqt li l-investigazzjoni għadha fil-fażi inizjali, ħadd mhu qed jeskludi li l-koppja setgħet ħadet xi ispirazzjoni mill-gruppi tat-terroristiċi barranin.

Fl-istess ħin, ma ħarġux provi rrifjutabbli li Farook u Malik kienu parti minn xi network ta’ terroristi.