L-Uffiċċju tal-President tal-Ażerbajġan qal li miet talanqas ħaddiem li kien fuq rig taż-żejt li ħa n-nar fir-reġjun tal-Baħar Kaspjan.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet għall-emerġenzi fiz-zona kienu għaddejjin b’ħidma biex isalvaw il-ħaddiema fuq rig taż-żejt u fost rapporti – mhumiex ikkonfermati – li talanqas 31 ħaddiem spiċċaw tilfu ħajjithom.
Kelliema għall-Kumitat li Jħares id-Drittijiet tal-Ħaddiema taż-Żejt tal-Ażerbajġan ħarġu b’informazzjoni li l-ħaddiema inkwistjoni ‘ma dehrux aktar fl-inċident’.
Intant, il-Kumpannija għall-Enerġija tal-Istat ta’ Ażerbajġan, SOCAR, qalet li kien hemm hemm 63 ħaddiem fuq ir-rig ta’ Guneshli meta qabdu n-nirien u li laħqu salvaw 32 minnhom. Dan waqt li l-maltemp fir-reġjun kien qed jikkomplika l-isforzi tas-salvataġġ kontinwi.
Il-kelliema għal Socar qalu li pipeline tal-gass fuq ir-rig ta’ Guneshli ħa n-nar wara li ġarrab ħsarat dovuti għall-irwiefen kbar fl-inħawi.
Sadanittant, il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev waqqaf kummissjoni biex tinvestiga l-inċident u li se jmexxiha l-Prim Ministru Ażeri Artur Rasizada.
//= $special ?>