Lokali

Il-Gvern jiġbor il-breathalysers mill-Għases tal-Pulizija

Il-gazzetta Il-Mument żvelat kif sorsi li tkellmu magħha qalu li l-Korp tal-Pulizija tant għandu problemi finanzjarji kbar li għandu flejjes kbar x’jagħti lil kumpaniji li jipprovdulu saħansitra tagħmir li jirrigwarda s-saħħa u s-sigurtà fit-toroq.

Meta ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun tal-festi, inġabru l-breathalysers mill-Għases tal-Pulizija minħabba li mingħand min kienu qed jinkrew ilu ħafna ma jitħallas u biex dawn jibqgħu jiffunzjonaw tajjeb jeħtieġ li jingħataw service fuq bażi regolari.

Id-deċiżjoni li jinġabru l-breathalysers mill-Għases ħasdet ħafna lill-Pulizija għaliex ma jagħmilx sens li proprju f’dan iż-żmien tas-sena meta l-konsum tal-alkoħol jiżdied qatigħ, dan it-tagħmir ferm importanti f’idejn il-Pulizija kien irtirat.

Fil-jiem li għaddew fil-Parlament il-Ministru Carmelo Abela meta kien mistoqsi mix-Shadow Minister Jason Azzopardi bl-aktar mod speċifiku dwar il-breathalysers jekk humiex bil-ħsara u għaliex inġabru mill-Għases, l-istess Ministru wieġeb li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra!
il-mument għandha informazzjoni li s-Supretendent ġdid Mario Tonna li hu responsabbli mit-Taqsima tat-Traffiku, jidher li ddeċieda li jinxtraw tliet breathalysers ġodda li iżda jirriżulta li dawn ma humiex ta’ livelli li suppost għandu jkun. Ix-xiri ta’ dan it-tagħmir sar ukoll bla ebda konsultazzjoni mal-Ispettur Ramon Cassar li huwa espert f’dan il-qasam.

Intant, il-problema ta’ finanzi għall-Korp tal-Pulizija qalu s-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument, li kuntrarjament għal dak li jiġri ta’ kull sena meta b’mod uffiċjali l-Korp tal-Pulizija jorganizza l-festini tal-Milied għat-tfal u għall-membri fil-Korp, din is-sena dawn mhux se jsiru għaliex il-flus ilhom li spiċċaw.