Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta permezz ta’ stqarrija qal li waqt seduta tal-Kunsill Lokali li saret din il-ġimgħa, il-kunsilliera qablu li jesprimu kundanna għal dak li għamel wieħed mill-kunsilliera tal-istess Kunsill Lokali, Raymond Azzopardi meta fuq Facebook għażel li jxerred ritratt tal-arma tal-Partit Nazzjonalista immla flok l-ittri “PN” kien hemm mikutb l-ittri “IS IS” bil-kuluri iswed u abjad. Dan b’referenza ċara għall-grupp terroristiku, ISIS. Mar-ritratt, il-kunsillier kiteb ukoll “dawn għandna għalfejn nibżgħu minnhom”.
Il-Kunsilliera tal-Belt Valletta qablu ukoll li jikkundannaw kummenti oħra miktuba minn Azzopardi stess fuq Facebook meta qal li “Nemmen li lanqas tal-ISIS stess ma jaħdmu kontra pajjiżhom b’mod kif jaħdmu l-PN meta jkunu fl-Oppożizjoni…” b’referenza ċara li qed jgħid li l-PN u agħar mill-ISIS.
Permezz ta’ din il-kundanna, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għamilha ċara li dawn it-tip ta’ kummenti m’għandhomx ikunu aċċettati qatt u fil-konfront ta’ ebda mill-partiti politiċi. Għaldaqstant il-Kunsiill Lokali tal-Belt Valletta ddisasoċja ruħu minn dak li għamel Azzopardi u għamilha ċara li ma jaqbilx miegħu.
Fl-istess waqt il-Kunsill Lokali fakkar li fl-isfond tal-aħħar żviluppi b’rabta mal-attakki terroristiċi mill-ISIS, il-post li xerred Azzopardi hu insensttiv u jweġġa’ lill-kunsilliera l-oħra fl-istess Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u li jagħmlu parti mill-Partit Nazzjonalista u għaldaqstant hu insult u disprezz għall-maġġoranza rappreżentattiva tar-residenti Beltin f’dan il-Kunsill Lokali.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta appella biex kull kunsillier ta’ kull partit politiku f’pajjiżna jkun responsabbli f’dak li jgħid u jagħmel speċjalment b’kummenti li jistgħu iweġġaw lil sezzjoni oħra tal-istess lokalitá jew soċjetá.
//= $special ?>