Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake sostniet li f’nofs leġiżlatura l-PN qed jippreżenta dokument b’numru kbir ta’ proposti quddiem sitwazzjoni politika li fiha fis-soċejtà Maltija teżisti problema ta’ tmexxija ibbażata fuq in-nepotiżmu, b’użu ħażin ta’ fondi, b’korruzzjoni, b’inċertezza u b’amministrzzjoni pubblika dgħjafa.
Fit-tnedija tad-dokument ‘Nibnu Fiducja Gdida fil-Politika’, is-Segretarju Ġenerali tal-PN qalet li dawn il-problemi ma twieldux sentejn u nofs ilu iżda llum taħt dan il-gvern is-sitwazzjoni marret lura.
Il-PN hu determinat li jkompli jitgħallem mill-iżbalji li għamel u minn dak li qed iseħħ illum. Għalhekk il-PN għażel li flok jikkritika biss, jippropni altenattivi, anki issa li għadu fl-Oppożizzjoni.
Rosette Thake spjegat kif qabel l-aħħar elezzjoni l-Partit Laburista ma kien jagħti l-ebda dettalji dwar il-proposti tiegħu bil-konsegwenza li llum il-poplu qed iġarrab ir-riżultati ta’ dik l-istrateġija.
Rosette Thake ddikjarat li l-politika tal-PN hi mibnija fuq il-prinċipji li sawru lill-partit tul is-snin. Dan id-dokument jelenka għaxar prinċipji fosthom id-demokrazija, il-kontabbiltà, it-trasparenza, ir-rispett għan-nies ul-inklużjoni, l-etika u l-imparzjalità, it-tfittxija għall-kunsens, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-immaniġġjar finanzjaru tajjeb. Madwarhom il-PN ssawwar il-prinċipji tiegħu u fassal dan id-dokument, sostniet Rosette Thake.
//= $special ?>