Internazzjonali

“Inċident terroristiku” fl-underground ta’ Londra

Numru ta’ persuni ndarbu f’dak li qed jiġi deskritt bħala “inċident terroristiku” fl-underground ta’ Londra meta raġel beda jattakka lil min kien għaddej b’sikkina.

Skont il-Pulizija Ingliża, ir-raġel kien qed iġorr “sikkina kbira” u beda jgħajjat “dan għas-Sirja!” qabel ma beda jattakka membri tal-pubbliku. L-attakk seħħ fl-istazzjon Lenytonstone.

Raġel wieħed qala’ daqqiet ta’ sikkina f’għonqu u qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li żewġ persuni oħra sofrew ġrieħi ħfief.

Il-Pulizija fl-Ingilterra qed jikkunsidraw l-attakk bħala “inċident terroristiku” filwaqt li appellaw “għall-kalma u għall-viġilanza”. Dan filwaqt li mhux magħruf jekk ir-raġel kienx qed jaġixxi fuq inizjattiva personali jew inkella f’isem xi grupp ieħor partikolari.