Fi stqarrija konġunta bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-Malta Public Transport ġie mħabbar li wara l-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, uffiċjali għoljin mill-kumpanija Malta Public Transport (MPT) u minn UĦM Voice of the Workers iltaqgħu b’emerġenza dalgħodu sabiex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.
Malta Public Transport spjegat li kienet qed tiffinalizza l-proċess ta’ verifika b’mod rigoruż biex tiżgura li r-riżultat ikun finali fl-interess tal-impjegati kollha u tal-publiku in-ġenerali biex ikun hemm stabilita’ wara li toħroġ irrikonoxximent trejdunjonistiku.
L-istqarrija spjegat li dalgħodu ntlaħaq qbil li UĦM Voice of the Workers se tingħata rikonoxximent ewlieni nhar il-Erbgħa fil-11 a.m. Intant ġie maqbul li se jsiru l-preparamenti neċessarji sabiex ukoll nhar il-Erbgħa ssir l-għotja formali ta’ rikonoxximent trejdunjonistiku lil UĦM Voice of the Workers.
L-istqarrija tkompli li dan il-ftehim se jkun qed jagħti pjattaforma aħjar lill-kumpanija fil-provvediment tas-servizz tagħha lill-pubbliku Malti u Għawdxi.
Iż-żewġ partijiet qablu li b’mod immedjat, l-azzjonijiet industrijali kollha kif ukoll l-azzjonijiet legali fil-qrati, jiġu rtirati.
//= $special ?>