Lokali

“Nibnu fiduċja ġdida fil-politika” – Simon Busuttil iniedi aktar minn 100 proposta għal gvernar tajjeb

Illum il-Partit Nazzjonalista nieda d-dokument dwar il-governanza tajba. Fuq Net Television u Radio 101 ixxandret trasmissjoni LIVE tat-tnedija ta’ dan id-dokument.

It-tnedija kienet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Id-dokument tal-Partit Nazzjonalista jelenka għaxar problemi li bħalissa jispikkaw fil-pajjiż. Fost dawn, l-abbuż ta’ poter, l-imġieba mhux etika u konflitti ta’ interess, in-nuqqas ta’ trasparenza, in-nuqqas ta’ rispett għall-prinċipju li l-liġi trid tgħodd għal kulħadd, l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi, id-dgħjufija fl-amministrazzjoni pubblika u n-nepotiżmu.

Għal dawn il-problemi, u oħrajn, id-dokument ġdid tal-Partit Nazzjonalista hu bbażat fuq 10 prinċipji u numru kbir ta’ proposti.

Id-demokrazija u l-iskrutinju demokratiku

F’dak li għandu x’jaqsam mad-demokrazija u l-iskrutinju demokratiku, il-PN qed jipproponi fost l-oħrajn li l-President tar-Repubblika jibda’ jiġi elett b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament, li jsir proġett pilota għall-votazzjoni elettronika u l-għadd tal-voti b’mezzi elettroniċi kif ukoll id-dritt tal-vot f’elezzjonijiet ġenerali f’Malta lil Malta li joqgħodu barra mill-Unjoni Ewropea.

Id-dokument jitkellem ukoll dwar deċiżjonijiet li jittieħdu direttament mill-poplu. Għal dan il-għan se titressaq liġi għaż-żamma ta’ referenda propożittiv biex iċ-ċittadin jkun jista’ jipproponi liġijiet permezz ta’ referendum. Dan apparti sistema ta’ firem online għal proċess aktar effettiv.

Id-dokument jitkellem ukoll dwar l-iskrutinju parlamentari, bil-Partit Nazzjonalista jipproponi proċedura biex il-Parlament jgħarbel l-entitajiet pubbliċi kollha, apparti li l-Membri Parlamentari ma jibqgħux jinħatru fuq bordijiet ta’ awtoritajiet u aġenziji pubbliċi jew f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja mal-Gvern.

It-trasparenza

Minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza, il-PN qed jikkommetti ruħu li jippubblika l-kuntratti kollha li daħal għalihom il-Gvern. Dan apparti li l-Freedom of Information Act titwessa’ biex tagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadin li jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Gvern. Il-PN fil-Gvern se jippubblika wkoll il-lista ta’ persuni li saru ċittadini Maltin taħt l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Il-Ministri se jkunu obbligati wkoll li jagħmlu pubbliku minn qabel, jew immedjatament wara, kull vjaġġ li jkollhom jagħmlu fuq xogħol ministerjali. Dan apparti aktar regoli stretti dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi li jridu jippreżentaw il-Ministri. Il-PN qed jikkommetti ruħu wkoll li jara li l-Ministri ma jużawx e-mails personali għax-xogħol Ministerjali tagħhom.

Imġieba u etika

Id-dokument jagħmel enfasi wkoll fuq l-imġieba u l-etika, fejn fost l-oħrajn, il-PN se jkun qed idaħħal minnufih kodiċi ta’ etika ġdida mill-ewwel jum ta’ Gvern Nazzjonalista. Dan apparti l-introduzzjoni ta’ Kummissarju Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Id-dokument jipproponi wkoll li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ma jibqgħux jeżerċitaw il-prattika privata tagħhom waqt il-perjodu tal-ħatra pubblika. Hu propost ukoll li l-assi tal-irġiel u n-nisa tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jkunu ddikjarati wkoll.

Hu propost ukoll li l-familjari ta’ Ministri ma jibqħux jitħallew ikunu mpoġġija f’Segretarjati tal-Ministeri, fil-bordijiet pubbliċi jew f’pożizzjonijiet ta’ fiduċja.

Il-PN se jkn qed jintroduċi projbizzjoni li l-Ministru l-membri tal-Gvern jaċċettaw rigali akbar mill-valur ta’ 150 ewro, u jekk jaċċettaw rigali akbar, iridu jitniżżlu f’reġistru ġdid. Dan apparti l-obbligu li se jimponi Gvern Nazzjonalista fuq il-membri parlamentari li jirrappurtaw membri parlamentari oħra jekk ikunu jafu b’xi illegalitajiet – u jekk dan ma jsirx, ikun hemm konsegwenzi kriminali.

Il-ħatriet pubbiċi

Id-dokument jitkellem ukoll dwar il-ħatriet pubbliċi, bill-PN jipproponi li karigi pubbliċi għoljin, bħall-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap Kmandant, ikunu approvati mill-Parlament b’maġġoranza taż-żewġ terzi. Dan apparti l-addozzjoni tal-proposta li jkun hemm proċess indipendenti fl-għażla tal-membri tal-ġudikatura wara sejħa kompetittiva – bl-għarbiel isir minn organu ġdid kostituzzjonali.

Gvern Nazzjonalista ġdid se jara wkoll li 50% tal-ħatriet pubbliċi jingħataw lin-nisa.

PN GoodGov Facebook 851x315

L-użu ta’ flus il-poplu u l-propjeta’ pubblika

Dwar l-użu ta’ flus il-poplu u l-propjeta’ pubblika, Gvern Nazzjonalista se jagħti aktar saħħa lill-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika, apparti li l-Prim Ministru u l-Ministri ma jibqgħux jitħallew jużaw il-karozza privata tagħhom bħala l-karozza uffiċjali. Mhux se jibqa aktar possibbli wkoll li jsir trasferiment ta’ propjeta’ pubblika lill-partiti politiċi.

Gvern Nazzjonalista se jinsisti wkoll li familjari li jakkumpanjaw Ministri barra minn Malta fuq xogħol tal-Gvern, iħallsu l-ispejjeż tagħhom huma personalment.

Aktar proposti dwar governanza tajba

Id-dokument iressaq ‘il quddiem ukoll numru kbir ta’ proposti oħra dwar il-media u x-xandir pubbliku, il-komunikazzjoni mal-pubbliku, id-drittijiet taċ-ċittadin u d-djalogu soċjali. Fost dawn il-proposti hemm li jitneħħa l-libell kriminali kontra l-ġurnalisti, li nies li jaħdmu fis-Segretarjati tal-Ministeri ma jibqgħux jippreżentaw programmi fil-media tal-partiti politiċi u li l-Gvern jibda jaddotta deċiżjonijiet li jittieħdu fl-MCESD.