Internazzjonali

Rapporti li l-ISIS qed tħarreġ il-bdoti fil-Libja

Skont rapport li xxandar mill-Fox News, jidher li l-ISIS qed iħarreġ il-bdoti f’bażi tal-ajru fil-Libja. Intqal li għal dan it-taħriġ qed jintużaw ajruplani żgħar u tal-anqas flight simulator wieħed.
Xi ħaġa li qanqal tħassib serju minħabba t-theddida li dan joffri għas-sigurtà ta’ diversi pajjiżi.
Skont Jacques Neriah, eksuffiċjal għoli tas-servizzi sigrieti Iżraeljani, jekk dawn in-nies huma kapaċi li jwettqu attakk suwiċida bil-mixi jew fil-karozza, huma daqstant ieħor lesti jagħmlu l-istess minn ġewwa ajruplan.
Hu żied li hawn wieħed mhux qed jitkellem li l-ISIS qed tħarreġ in-nies tagħha biex itajru ajruplani militari imma ajruplani żgħar kummerċjali li kulma jridu jkunu jafu hu kif jaslu fil-mira tagħhom u jġarrfu l-ajruplan fih.
Qabel ir-rapport tal-Fox, kien hemm ukoll rapport fil-ġurnal Għarbi bażat f’Londra, Asharq al-Awsat, li kkwotat sorsi fil-Libja li sostnew li saru attakki mill-ajru mill-Qawwa tal-Ajru Libjana kontra l-bażi tal-ISIS imma bi ftit suċċess.
Apparti l-Iraq u s-Sirja, il-Libja hu l-uniku pajjiż l-ieħor fejn l-ISIS jikkontrolla meded kbar ta’ art, fosthom bliet.