Internazzjonali

Żblokk bejn il-Gvern ta’ Tripli u Tobruk

Il-Gvern ta’ Tobruk, li għandu għarfien internazzjonali, u dak ta’ Tripli, iffirmaw ftehim bit-tir li jsolvu l-firda li hemm bejniethom u f’temp ta’ sentejn ikun hemm elezzjoni ġenerali fil-pajjiż.
Il-Ħadd tħabbar ukoll li ż-żewġ naħat qablu li jiffurmaw kumitat ta’ għaxar persuni biex jagħżel Gvern ta’ għaqda nazzjonali.
Mohammed Awad Abdul-Sadiq, uffiċjal għoli minn Tripli, qal li dan kien mument storiku għal-Libjani u żvilupp li d-dinja kienet ilha tistenna.
Jidher iżda li l-ftheim li sar jinjora l-ftehim li kien intlaħaq man-Nazzjonijiet Uniti u hekk kif fit-13 ta’ Diċembru kellhom ikomplu t-taħditiet immexxija min-Nazzjonijiet Uniti f’Ruma fl-Italja.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll li fi żmien ġimagħtejn jaħtru President temporanju kif ukoll deputat tiegħu.
Dan seħħ hekk kif f’dawn l-aħħar ġranet saru diversi twissijiet dwar kif l-ISIS kien qed jissaħħaħ u hekk kif dan il-grupp fis-Sirja u l-Iraq dejjem aktar qed jispiċċa fil-mira, il-kenn tagħhom qed jispiċċa l-Libja.
Jean-Yves Le Drian, il-Ministru tad-Difiża Franċiż, qal li l-periklu li l-Libja tispiċċa kenn għall-ISIS kien dejjem qed jikber jekk ikompli l-ġlied bejn il-Gvern ta’ Tripli u Tobruk. Hu qal dan f’intervista mar-rivista Franċiża Jeune Afrique li kienet pubblikata lbieraħ.
Le Drian iżda eskluda intervent militari Libjan imma wissa li l-Punent ried jistinka aktar favur l-għaqda fil-Libja quddiem it-theddida tal-ISIS.