Enfasi akbar fuq trasparenza u r-riżultati
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet fl-analiżi tagħha dwar l-infiq tal-fondi Ewropej, li fil-każ ta’ Malta 50% tal-iżbalji li kienu identifikati fil-kontijiet b’rabta mal-infiq tal-fondi huma relatati ma’ nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regolamenti fl-għoti tax-xogħlijiet.
Dan spjegah Louis Galea, membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, meta ppreżenta r-Rapport Annwali għas-sena 2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Hu spjega wkoll li filwaqt li s’issa l-enfasi dwar l-infiq tal-fondi tal-Unjoni Ewropea kien aktar immirat lejn l-ammont, issa qed isir enfasi akbar fuq it-trasparenza u r-riżultati miksuba.
Louis Galea kien qed jirrapporta lill-membri tal-Kumitat Permanenti tal-Kontijiet Pubbliċi, il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Filwaqt li ta rendikont tar-rapport, Louis Galea rrefera għall-każ dwar il-fondi li tilfet Malta minħabba nuqqasijiet fil-proċeduri segwiti fil-każ tax-xogħol fi Triq il-Kosta. Hu qal li hu minnu li l-Gvern Malti se jkun jista’ jissottometti proġetti oħrajn biex jagħmel użu mill-€11-il miljun li ntilfu għal dan il-proġett, iżda fil-futur trid tinħata attenzjoni akbar biex il-proġetti sottomessi jsegwu r-regolamenti mitluba.
Hu qal li b’mod ġenerali hemm rata ta’ 4.4% ta’ żbalji li jkunu rilevati mill-analiżi li tagħmel il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Din il-Qorti għandha l-kompitu li tanalizza d-dħul u l-ħruġ li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea. Mhux kompitu tal-Qorti li tanalizza l-istati individwalment, iżda ssir analiżi tat-talbiet li jsiru biex tara li dawn ikunu saru jew qed isiru skont ir-regolamenti mitluba.
Louis Galea qal li matul is-sena li għaddiet, l-UE kellha dħul ta’ €144 biljun u ħruġ ta’ €142.5 biljun. Il-Baġit tal-UE hu madwar 2% tal-infiq totali li jagħmlu l-pajjiżi kollha fi spiża pubblika, b’nefqa li ras għal ras tammonta għal madwar €285 għal kull ċittadin fl-UE.
Louis Galea qal li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ilha mill-2007 li toħroġ ċertifikat ta’ 100% fl-analiżi tal-kontijiet sottomessi, jiġifieri l-Qorti hi sodisfatta li ċ-ċifri sottomessi lilha għall-eżami huma korretti. Fl-analiżi ta’ dawn il-kontijiet għas-sena li għaddiet, il-Qorti sabet żbalji li jammontaw għal 4.4% li għadha ċifra relattivament għolja minn dik ta’ 2% li hi meqjusa bħala waħda umanament aċċettabbli.
Il-parti kbira ta’ dawn l-iżbalji huma relatati mal-proċeduri ta’ public procurement, jiġifieri fejn ir-regoli jorbtu lill-membri li jsegwu ċerti regolamenti fl-għoti tax-xogħlijiet.
Fil-każ ta’ Malta, 50 fil-mija tal-iżbalji jirriżulta li huma minn dan l-aspett. Hu minnu li l-proċeduri s’issa jippermettu li fondi mitlufa jistgħu jiġu dedikati lejn proġetti oħra, iżda issa fuq insistenza tal-istess Qorti, se jibda jkun hemm pressjoni akbar biex żbalji ma jibqgħux jirrepetu ruħhom u fondi jistgħu jintilfu jekk dawn l-iżbalji jippersistu.
Louis Galea qal li mod kif jiġu evitati dawn l-iżbalji hu li jkun hemm uffiċjali mħarrġa kif ukoll ħtieġa akbar li jkun hemm iżjed għarfien dwar liema huma r-regolamenti u kif dawn għandhom ikunu applikati.
Hu appella biex ikun hemm iżjed diskussjoni mill-Kumitat relattivi fil-Parlament dwar ir-rapporti li joħorġu mill-UE u anke mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
L-UE qed tagħmel enfasi akbar biex l-infiq isir fuq proġetti li jrendu fit-tul u li joffru benefiċċju veru liċ-ċittadini u lill-għaqda Ewropea b’mod ġenerali, u mhux aktar isir infiq biex ma jintilifx xi dritt għall-fondi.
Louis Galea qal li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed tinsisti li minbarra kontroll fuq l-infiq għandu jkun hemm ukoll regoli aktar ċari li bihom jista’ jsir kalkolu dwar l-effettività tal-proġetti sottomessi kif ukoll żmien determinat li l-proġetti rikjesti mhux biss isiru iżda anke l-effett tar-riżultati miksuba.
Louis Galea ta wkoll rendikont tal-ħidma tiegħu tul il-perijodu f’din il-kariga li waslet biex tiskadi f’Mejju li ġej.
//= $special ?>