Il-partit estremista tal-Lemin tal-Front Nazzjonali spiċċa l-ikbar partit fi Franza wara l-elezzjonijiet reġjonali li saru nhar il-Ħadd, fi Franza.
Il-partit ta’ Marine Le Pen jinsab minn ta’ qudiem f’sitta mit-13-il reġjun Franċiż fejn saru l-elezzjonijiet. Issa se jkun imiss it-tieni fażi biex ikun deċiż min se jirbaħ ir-reġjuni.
Il-partit ta’ Le Pen rebaħ aktar minn 30 fil-mija tal-voti filwaqt li r-Repubblikani tal-eks-President Nicolas Sarkozy spiċċaw fit-tieni post b’aktar minn 27 fil-mija tal-voti, u s-Soċjalisti fil-Gvern tal-President Francois Hollande spiċċaw fl-aħħar post bi 22 fil-mija tal-voti.
Jidher li Le Pen, li kkontestat ir-reġjun ta’ Nord-Pas-de-Calais-Picardie, u n-neputija tagħha Marion Marechal-Le Pen, li kkontestat għat-tmexxija ta’ Provence-Alpes-Cote d’Azur, it-tnejn kisbu aktar minn 40 fil-mija tal-voti – rekord għall-partit.
L-elezzjonijiet kienu l-ewwel li saru wara l-attakki tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi bit-tensjoni u l-biża’ li dawn ġabu magħhom.
Dan kien ukoll it-tielet vot f’sena u nofs li fihom il-Front Nazzjonali, li jħaddan linja iebsa kontra l-immigranti u l-UE, ħareġ minn fuq f’elezzjoni. L-osservaturi qalu li filwaqt li l-attakki ta’ Pariġi kellhom ir-rwol tagħhom għal dan ir-riżultat, il-partit kien qed jissaħħaħ anke qabel minħabba l-ilmenti tal-elettorat bl-immigrazzjoni u problemi soċjali u ekonomiċi, kif ukoll minħabba li jara nuqqas ta’ rieda mill-partiti tradizzjonali li jbiddlu l-affarijiet.
Fil-passat, l-Oppożizzjoni taċ-Ċentru-Lemin u l-Partit Soċjalista kienu jaqblu biex jimblukkaw lill-FN imma din id-darba Sarkozy qal li ma kien se jkun hemm xejn minn dan għat-tieni u l-aħħar fażi tal-vot.
Il-Front Nazzjonali l-akbar partit fi Franza
