Il-Ministru Zammit Lewis jikkonferma li t-taħditiet mas-sieħeb strateġiku jinsabu fi stadju avvanzat iżda ma jweġibx dwar jekk hux se jinżammu l-ħaddiema tal-Air Malta u l-kundizzjonijiet tal-lum
Il-Ministru għat-Turiżmu responsabbli mill-Air Malta, Edward Zammit Lewis, filwaqt li kkonferma li t-taħditiet dwar is-sieħeb strateġiku tal-Air Malta jinsabu fi stadju avvanzat, ma riedx jelabora aktar u lanqas ma jwieġeb b’mod ċar jekk dan is-sieħeb strateġiku li jista’ jkollu sa 49% ishma fl-Air Malta, hux se jżomm il-ħaddiema tal-Air Malta u l-kundizzjonijiet li jgawdu llum.
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, ilbieraħ fil-Parlament għamel diversi mistoqsijiet lill-Ministru Edward Zammit Lewis, li fil-bidu irreżista li jirrispondi għal mistoqsijiet ċari u diretti dwar l-Air Malta waqt li kien qiegħed iwieġeb mistoqsija parlamentari dwar l-Air Malta mid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis, li staqsa lill-Ministru jelenka liema huma l-linji tal-ajru Ewropej li għadhom 100% tal-Istat.
Fil-fehma tal-Ministru Zammit Lewis, il-mistoqsijiet supplimentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista, li talbu jaġġorna lill-Parlament dwar fiex waslu t-taħditiet dwar il-privatizzazzjoni tal-Air Malta, u biex jikkonferma jew jiċħad li t-taħditiet mal-Etihad jinsabu fi stadju avvanzat, jeħtieġu riċerka u dettalji li ma kellux.
Il-Minisrtu Zammit Lewis ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker li din il-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista mhix relatat mas-suġġett, u jagħżel li ma jirrispondix għaliex m’għandux id-dettalji u r-riċerka biex jagħti l-informazzjoni kif mitluba.
Id-Deputat u Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, irrimarka wkoll li mhux f’waqtu li dan il-Gvern iwieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni llum billi jirriferi għal tweġibiet li ngħataw fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti hekk if il-Ministru Zammit Lewis, minn file li kien f’idejh u kien qed jaqra minnu, irrifera għal tweġibiet li ngħataw madwar ħames snin ilu.
Bid-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg jirrimarka li ma kien qiegħed jitlob ebda informazzjoni li teħtieġ riċerka iżda biss biex il-Ministru sempliċiment jikkonferma jew jiċħad, u jekk hux lest jagħti garanzija lill-ħaddiema tal-Air Malta li se jżommu l-impjiegi tagħhom u l-kundizzjonijiet li jgawdu llum, il-Ministru Zammit Lewis qal li kien se jkun qed iwieġeb biex ma jagħtix lok għal spekulazzjonijiet fuq din il-materja importanti.
Filwaqt li qal li mhux il-mument opportun biex jingħataw dettalji dwar dak li qiegħed jiġi negozjat, il-Ministru Zammit Lewis żied li l-pjan tal-Gvern hu li jsaħħaħ u jkabbar il-linja nazzjonali tal-ajru, u li l-maġġoranza tal-ishma se jibqgħu f’idejn l-Air Malta.
Bid-Deputat Antoine Borg jibqa’ jinsisti biex il-Gvern iwieġeb jekk hux se jkunu qed jinżammu l-impjiegi kollha fl-Air Malta u l-kundizzjonijiet li jgawdu llum, u biex jispjega kif aktar kmieni din is-sena l-Gvern kien iddikjara li jeħtieġ li l-flotta tal-ajru tal-kumpanija nazzjonal jeħtieġ li tonqos għal tmienja, il-Ministru wieġeb li hu qiegħed jitkellem fuq il-pjan li jrid il-Gvern fuq medium u long term.
Fisser li b’imsieħeb strateġiku, l-Air Malta trid tikber u tespandi r-rotot tagħha b’aktar ajruplani biex mhux biss tkun vijabbli iżda wkoll toħloq opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.
Mingħajr ma wieġeb b’mod ċar dwar jekk bl-imsieħeb strateġiku hux se jinżammu l-ħaddiema tal-Air Malta u jekk hux se jibqgħu l-kundizzjonijiet li għandhom illum, il-Ministru irrifera għas-sitwazzjoni li sabet fiha Cyprus Airways u l-Estonia Airways, li qal li għaddew minn diversi problemi u diffikultajiet.
Għal aktar mistoqsijiet tad-Deputat Antoine Borg biex jgħid jekk il-Gvern hux se jkun qiegħed jinvolvi u jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar dawn in-negozjati kif kien għamel Gvern Nazzjonalista meta rappreżentant tal-Oppożizzjoni kien f’Kumitat li kien jippresiedi l-President ta’ Malta dwar ir-ristrutturar tal-linja nazzonali, il-Ministru Zammit Lewis baqa’ jgħid li t-taħditiet jinsabu f’mument sensittiv u se jkun qiegħed jikkonsulta fil-mument opportun.
Qal ukoll li huma diversi l-ħaddiema li qed jitolbu apppuntament miegħu dwar il-futur tal-Air Malta, u qal li hu qiegħed jispjega lill-ħaddiema s-sitwazzjoni li hi llum.
Għal mistoqsija diretta tad-Deputat Nazzjonalista David Agius biex il-Ministru jikkonferma jekk b’dak li qal hux ifisser li se jkun qiegħed jikkonsulta mal-Oppożizzjoni, il-Ministru Zammit Lewis qal li kien spjega dwar dan u m’għandux aktar xi jżid.
//= $special ?>