Kurżitajiet

Il-kantant Tiziano Ferro jħassar it-tour wara ħass ħażin

Il-kantant Taljan Tiziano Ferro ħassar tour internazzjonali li kien qed jagħmel wara li ħassu ħażin waqt kunċert fi Zurich, l-Iżvizzera.
Permezz ta’ messaġġ li tefa’ fuq Facebook, Ferro qal li l-kundizzjoni ta’ saħħtu ma kinitx mill-aħjar u għalhekk hu kien avżat li għandu jħassar il-kunċerti li kien se jagħti sat-22 ta’ Diċembru f’diversi bliet Ewropej.
Għalhekk, il-kunċerti li kien se jagħti f’Ġinevra u Lugano, fl-Iżvizzera, kif ukoll f’Monaco u Brussell, fil-Belġju, minbarra dawk fl-Italja stess, f’Conegliano u Firenze, tħassru, għalkemm hemm għajdut li se jipprova jagħti l-kunċert ta’ Firenze li kien ippjanat għad-19, l-20 u t-22 ta’ Diċembru.
Fil-kunċert ta’ Zurich, hu kien qassar il-ħin tal-wirja minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu imma dan ma kienx biżżejjed u ħassu ħażin. Ma ngħatatx ebda spjegazzjoni għal x’wassal biex ħassu ħażin.