Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fetaħ rikors quddiem il-Maġistrat li qed tmexxi inkjesta dwar rapport li sar mill-Ispeaker dwar il-konsum tal-fuel tal-vettura użata minnu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Fir-rikors, Simon Busuttil qal li hu jinsab għad-dispożizzjoni sħiħa, assoluta u kompleta tal-Maġistrat, u dan bil-għan li joħorġu l-fatti kollha dan il-każ.
Sadanittant, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li kiteb lill-Ispeaker tal-Parlament fejn talbu biex jissospendi b’effett immedjat lix-xufier assenjat miegħu sakemm isir magħruf l-eżitu tal-investigazzjonijiet.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li għal darb’oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni wera li jmexxi bl-eżempju.
Il-Partit Nazzjonalista qal li hekk kif sar jaf bil-każ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista minnufih preżenta rikors biex ipoġġi lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-Qorti kull informazzjoni meħtieġa.
B’kuntrast ma dan, żied il-Partit Nazzjonalista, minkejja li għaddew jiem sħaħ minn meta sar magħruf li l-Ombudsman bagħat rapport dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg lill-Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni, il-Prim Ministru mhux talli għadu ma ħax passi talli għadu lanqas biss tkellem dwar il-każ.
Id-differenza fl-mod kif issir il-politika qed tkompli toħroġ kuljum, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>

