Lokali

Malta fost l-aqwa 15-il destinazzjoni għall-Milied – CNN

Is-sit internazzjonali CNN poġġa lil Malta ma’ New York, Strasbourg u Honolulu fil-lista tal-aqwa 15-il post fejn wieħed jista’ jqatta l-Milied.

Fil-lista ma’ Malta hemm postijiet oħra bħal Nuremberg fil-Ġermanja, Quebec fil-Kanada, villaġġi fl-Islanda, l-Fillandja u l-Olanda, Barċelona, kollha postijiet li skont is-CNN huma ideali biex wieħed iżurhom fil-Milied.

Fl-artiklu, Malta tissemma l-ewwel, bl-artiklu jenfasizza li l-presepju jew xeni tan-nattività huma parti integrali mill-Milied Malti.

“Kull sena r-residenti tarhom jiftħu t-twieqi, u xi kultant anki l-bibien tal-garaxx, u jesebixxu l-presepji għall-pubbliku” jgħid l-artiklu.

L-awturi tal-artiklu jieħdu l-opportunità li jsemmu wkoll l-attrazzjoni ‘Betlem f’Għajnsielem’, fejn 150 attur joħolqu villaġġ tal-Milied li jmur lura 2,000 sena.

Id-dwal tal-Belt Valletta ukoll serqu l-attenzjoni tas-sit internazzjonali, bit-Teatru Manoel u l-Mużew tal-Ġugarelli jiżdiedu fil-lista ta’ attrazzjonijiet li wieħed għandu jżur meta jkun qed iqatta’ l-Milied f’Malta.

“Mill-Messiku sa’ Malta, dawn il-postijiet jiċċelebraw il-Milied aħjar minn kulħadd” jgħid l-artiklu fuq is-CNN.

Fost il-15-il post fil-lista, hemm ukoll il-villaġġ ‘Santa Clause’ fl-istat ta’ Indiana fl-Istati Uniti. F’dan il-villaġġ b’popolazzjoni ta’ 30,000 ruħ10, il-Milied hu ċċelebrat is-sena kollha.

CNN malta milied