“M’għandniex fiduċja f’kumitat magħżul mill-Ministru waħdu” – l-Għaqdiet tal-Malti

Fit-tieni stqarrija fi spazju ta’ ftit jiem, l-istituzzjoni u l-għaqdiet tal-Malti qed jitolbu spjegazzjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo għaliex ħoloq kumitat biex isaħħaħ il-Liġi tal-Ilsien Malti minn wara dahar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li hi entita’ awtonoma mwaqqfa mill-Parlament Malti b’mod unanimu.

L-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti u l-Istitut tal-Lingwistika fl-Universita’ ta’ Malta, l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi u d-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College tal-Universita’ ta’ Malta, jistennew lil-Ministru Bartolo jirrispetta l-proċess miftuħ u demokratiku, li fl-aħħar mill-aħħar nieda hu stess fil-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti fis-7 ta’ Novembru li għadda.

Iżda l-Ministru, tkompli l-istqarrija, għamel l-oppost tad-diskussjoni miftuħa u wiesgħa li saret matul dan il-forum bil-parteċipazzjoni ta’ 200 persuna minn firxa wiesgħa ta’ setturi meta ħabbar it-twaqqif ta’ dan il-kumitat.

L-Għaqdiet fakkru li l-Forum Nazzjonali kien insista li l-Kunsill tal-Malti għandu jibqa’ kunsill regolatorju li wara proċessi ta’ konsultazzjoni wiesgħa jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu jorbtu b’liġi u l-formazzjoni tal-membri tal-istess Kunsill tal-Malti għandha tibqa’ awtonoma u ħielsa mill-indħil politiku. Dawn – ikomplu l-għaqdiet tal-Malti – huma stqarrijiet fundamentali.

L-Għaqdiet qalu li m’għandhom ebda fiduċja fid-deċiżjoni tal-Ministru Evarist Bartolo li jwaqqaf kumitat ta’ erbgħa min-nies magħżulin minnu. “Għandna fiduċja f’Kunsill Nazzjonali awtonomu u rappreżentattiv u fil-proċess miftuħ u demokratiku tal-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti li fih ġie diskuss il-preżent u l-futur tal-Malti fil-miftuħ”