Pastry Chef Malti magħżul mat-tim nazzjonali tar-Renju Unit

Pastry Chef Malti, li ilu jaħdem fir-Renju Unit għal dawn l-aħħar disa’ snin, ingħażel biex jagħmel parti mit-tim nazzjonali ta’ chefs tar-Renju Unit li se jieħu sehem fil-kompetizzjoni mondjali li se ssir f’Lyon fi Franza ftit iktar minn sena oħra.

Dan wara li f’Ottubru li għadda, Chris Zammit rebaħ il-kategorija ta’ l-aqwa disinn biċ-ċikkulata u l-aqwa dessert fil-kampjonati nazzjonali tar-Renju Unit.

Id-disinn rebbieħ ta’ Chris kien ispirat mill-cartoon ta’ Disney, Aladdin. Il-kompetituri kellhom sitt sigħat ċans biex ilestu x-xogħolijiet tagħhom.

Aladdin

Chris Zammit beda l-karriera tiegħu f’lukandi ewlenin hawn Malta wara li temm b’suċċess l-istudji tiegħu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Hu ilu jgħix fir-Renju Unit għal dawn l-aħħar disa’ snin u matul dan iż-żmien, kiseb diversi suċċessi li huma rikonoxximent għat-talent kbir li għandu dan il-pastry chef.

Sa minn meta beda jikkompeti lura fl-1997, Chris rebah iktar 35 rikonoxximent, bl-aħħar 15 ikunu kollha midalji tad-deheb.

Xogħlijiet oħra li bihom Chris kien ingħata rikonoxximent kienu ta’ figura Indjana riekeb żiemel, ġellied Samurai u Cowboy tar-Rodeo jissielet ma’ barri.

F’dawn l-aħħar snin Chris Zammit beda jikkompeti wkoll fil-kategoriji taċ-ċikkulata, li issa wkoll wassluh biex rebaħ iktar unuri prestiġġjużi.