Lokali Parlament

It-talbiet għal housing soċjali f’Għawdex żdiedu b’25% mill-elezzjoni ‘l hawn

L-applikazzjonijiet f’Malta għal housing soċjali żdiedu wkoll b’aktar minn 10%

It-talbiet għal housing soċjali f’Għawdex żdiedu b’25% mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn. F’Marzu tal-2013, kien hemm 32 talba waqt li llum it-talbiet komplew jiżdiedu għal 44 talba. F’Malta l-applikazzjonijiet għal housing soċjali żdiedu wkoll, b’ aktar minn 10% fl-aħħar sentejn u nofs.

Dan irriżulta fi tweġibiet li ta l-Ministru Michael Farrugia għal mistoqsijiet parlamentari li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, li staqsa kemm żdiedu l-appartamenti ġodda fl-aħħar sentejn u nofs.

Jirriżulta mill-informazzjoni li ta l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, li ma nbena l-ebda appartament ġdid jew inkera l-ebda appartament mingħand il-privat biex jintuża għall-akkomodazzjoni soċjali.

Jirriżulta wkoll li mill-ammont totali ta’ 3,040 applikazzjoni li qed jitolbu post għall-akkomodazzjoni soċjali, hemm 2,620 applikazzjoni li qed jitolbu post għall-ewwel darba, filwaqt li 420 qed jitolbu li jbiddlu l-post bil-kera tal-Gvern għal ma’ post ieħor tal-Gvern għal xi raġuni jew oħra. 

Mill-ammont ta’ 2,620 applikazzjoni li qed jitolbu għal post alternattiv, 44 applikazzjoni qed jitolbu akkommodazzjoni f’Għawdex.
L-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti sat-8 ta’ Marzu 2013 kien ta’ 2,837 li minnhom kien hemm 32 applikazzjoni li qed jitolbu post f’Għawdex. Barra minn hekk, mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-lum saru 315-il allokazzjoni madwar Malta u Għawdex. 

Filwaqt li l-Ministru Farrugia qal li ilhom ma jinbnew appartamenti jew djar ġodda mill-Gvern sabiex jintużaw għal social housing għal dawn l-aħħar tmien snin, taħt dan il-Gvern twaqqfet skema kiri li permezz tagħha l-Gvern preċedenti kera numru ta’ appartamenti mingħand il-privat għal 10 snin u użahom għal housing soċjali.